Lokali Saħħa

Tħassib dwar ir-rwol li għandu Joseph Muscat f’isem Steward Healthcare

Steward, bl-għajnuna ta' Muscat, qed jaħdmu minn taħt biex jiksbu deal aħjar

Fl-aħħar diskorsi tiegħu qabel warrab mill-kariga, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li se joqgħod pass lura u ma tantx se nisimgħu dwaru.

Iżda ġimgħatejn biss wara li rriżenja mill-kariga, Muscat jinsab mill-ġdid fl-aħbarijiet. Dan hekk kif żewġ gazzetti jirrappurtaw li Muscat – issa backbencher – kien preżenti għal laqgħa bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-President ta’ Steward Healthcare International Armin Ernst, li qed imexxu tliet sptarijiet pubbliċi.

Sorsi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ikkonfermaw il-preżenza ta’ Muscat f’din il-laqgħa. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli għas-saħħa Chris Fearne u l-Kap tas-Servizz Pubbliku Mario Cutajar.

Steward Healthcare qed imexxu l-Isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u jidher li l-laqgħa saret għaliex Steward iridu iktar flus mill-Gvern u tibdil fil-kuntratt iffirmat mal-Gvern.

Il-gazzetta Maltatoday tirrapporta li Muscat qed jagħmel lobbying mal-Prim  Ministru sabiex il-Gvern jaċċetta dawn it-talbiet ta’ Steward filwaqt li l-gazzetta The Malta Independent tgħid li l-Ministru Chris Fearne hu kontra dan it-tibdil.

The Malta Independent tkompli li Fearne informa lill-kabinett dwar din il-laqgħa u qallhom jekk iridu, jiffirmaw huma kuntratt ġdid ma’ Steward imma hu mhux lest li jagħmel dan.

Steward Healthcare ħadu t-tmexxija tal-Isptarijiet minn Vitals Global Healthcare, li rtiraw mill-konċessjoni taħt sħaba kontroversjali hekk kif ħadd ma kien jaf min kienu l-azzjonisti wara VGH, ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa u belgħu mal-50 miljun ewro f’fondi pubbliċi bl-uniku riżultat tanġibbli kienet ħofra fl-art biswit l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Skont rapporti, jidher li anki Steward waqgħu lura mit-timeframes miftehmin fil-kuntratt. Issa qed jipprovaw jiksbu iktar fondi pubbliċi u bidliet fil-kuntratt.

Kemm il-ftehim oriġinali ma’ VGH kif ukoll dak ma’ Steward kienu iffirmati mill-eks Ministru Konrad Mizzi.

Issa jidher li Muscat qed jitkellem għal Steward u qed jipprova jpoġġi pressjoni fuq il-Gvern biex jakkomodahom.

Diversi tentattivi mill-ġurnali biex jagħmlu kuntatt ma’ Muscat irriżultaw fin-negattiv.Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru ikkonferma l-preżenza ta’ Muscat fil-laqgħa f’Kastilja ma’ Armin Ernst iżda naqas milli jwieġeb dwar x’kien ir-rwol tiegħu f’dik il-laqgħa.