F’dawn il-jiem, żewġ uffiċjali minn Benfica Campus jinsabu f’pajjiżna f’kollaborazzjoni li qed issir mal-Akkademja ta’ Qormi. L-istedina saret mid-Direttur Tekniku tal-klabb Antoine Camilleri, li ma’ Net Sports tkellem dwar il-kollaborazzjoni li hu flimkien mal-klabb qed jippruvaw jibnu mal-uffiċjali Portugiżi.
Fi kliem id-Direttur Tekniku Vasco Monteiro, l-għan tiegħu hu li jaqsam l-esperjenzi u l-ideat tiegħu kif ukoll jisma’ u jara, biex hu stess jitgħallem x’jista’ jieħu miegħu lura l-Portugall.
Id-Delegat ta’ Benfica Campus Tiago Silva qal li jinsabu f’pajjiżna biex juru dak li jagħmlu huma u fl-istess ħin jagħtu opportunità lit-tfal ta’ Qormi biex jesperjenzaw dak li jagħmlu. Silva kompla li din tista’ tkun esperjenza tajba għalihom biex anki jaraw dak li jsir fil-futbol Malti.
Il-klabb ta’ Benfica hu l-aktar wieħed ta’ suċċess fil-Portugall b’total ta’ 79 unur. Huma rebħu l-kampjonat Portugiż 36 darba u fl-aħħar snin għamlu żvilupp sostanzjali fiċ-Ċentru ta’ taħriġ tagħhom bl-isem ta’ Caixa Futebol Campus.
L-akkademja tal-klabb tinkludi tmien timijiet u 57 membru tal-istaff tekniku li jgħinu lit-total ta’ 207 plejers biex jiżviluppaw it-talent tagħhom. Wieħed mill-għanijiet tal-klabb hu li jipprovdu lit-timijiet tagħhom bl-aħħar apparat tekniku.
L-analiżi li ssir tgħin biex isir taħriġ apposta filwaqt li jiġi żviluppat l-istil ta’ logħob tal-klabb. Dan minbarra investiment fix-xjenza u l-mediċina sportiva b’laboratorji apposta, l-aspett edukattiv u soċjali. Benfica rebħu l-unur tal-Aqwa Akkademja fid-Dinja fl-2015 u fl-2019.
//= $special ?>