Internazzjonali

Wara t-terremot fit-Turkija: Tfittxija intensiva għan-nies mirdumin bil-mejtin jitilgħu għal 35

L-iskwadri għas-salvataġġ fit-Turkija qed jistinkaw qatigħ biex itellgħu aktar nies minn taħt it-tifrik tal-bini li ċeda fost it-terremot qawwi li laqat liz-zoni tal-pajjiż fi tmiem il-ġimgħa. Iċ-ċifra tal-maqtula fit-theżżiża, fl-aħħar sigħat, telgħet għal 35 u meta l-iskwadri għall-emerġenza fiz-zona kienu qed jiffaċċjaw ġlieda ddisprata mal-ħin, fost it-temperaturi ta’ friża li ħakmu l-inħawi.

L-aħħar rapporti qalu li omm ta’ 35 sena u bintha ta’ sentejn kienu salvati mir-radam ta’ bini ta’ appartament li ċediet fit-terremot. It-theżżiża kbira  ħalliet l-akbar qerda fil-belt ta’ Elazig, bl-omm u t-tifla jsalvaw miraklu wara 28 siegħa taħt it-terrapien.

Fit-terremot li rreġistra 6.8 fuq l-Iskala Richter indarbu talanqas 1,600 persuna, bl-iskwadri għall-emerġenzi isalvaw 45 persuna minn taħt il-bini mwaqqa’.

Filwaqt li t-temperaturi fiz-zona l-milquta niżlu għal ħames gradi taħt iz-zero, dawn l-iskwadri waqqfu eluf kbar ta’ tined fiz-zona għar-residenzi li tilfu djarhom fit-terremot.

Dan meta l-iskwadri għall-emerġenza kienu qed jikkonċentraw l-isforzi fin-neighbourhood ta’ Mustafa Pasa u l-belt ta’ Sivrice, fil-qrib, li hi l-aktar zona residenzjali viċin l-epiċentru tat-terremot qattiel.

Ir-reġjun partikulari, fi tmiem il-ġimgħa, intlaqat minn kważi 700 theżżiża sekondarja ( aftershock) b’eluf ta’ esperti fil-ħidma tas-salvataġġ jippruvaw li jistgħu biex jilħqu lin-nies li spiċċaw taħt it-tifrik tal-bini – u bil-ħidma ddisprata ma taqtax għal minuta.

L-awtoritajiet fiz-zona tal-emerġenza qalu li mas-76 bini nqerdu – b’1,000 oħra jġarrbu l-ħsarat – fit-terremot. L-istess awtoritajiet qed jużaw id-drones biex jistħarrġu l-inħawi residenzjali li ġarrbu l-impatt tat-terremot u biex jgħinu jikkoordinaw l-isforzi tas-salvataġġ.

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan – li fi tmiem il-ġimgħa żar iz-zona tad-diżastru — qal li qed isir kull sforz biex tonqos it-tbatija għar-residenti affettwati u  wiegħed li dawk li tilfu djarhom għandhom jingħataw akkommodazzjoni mill-aktar fis.

Il-Ministru Tork għall-Intern, Suleyman Soylu, intant, wiegħed għajnuna finanzjarja lill-vittmi tat-terremot.

Waqt li qed jirrankaw l-isforzi biex jinstabu aktar ħajjin qalb it-terrapien, terremot ieħor anqas qawwi ( li rreġistra 4.3 fuq l-iskala) dalgħodu laqat il-provinċja ta’ Malatya, qrib ta’ Elazig,