Internazzjonali

Salvini jitlef il-vot f’Emilia-Romagna…bil-Gvern Taljan jieħu r-ruħ

Il-Kap tal-Partit tal-Lega (estremista tal-lemin) Matteo Salvini ma rnexxilux jirbaħ il-vot tal-Ħadd f’Emilia-Romagna. Dan wara li kien dam il-ġimgħat jistinka biex iwarrab it-tmexxija tax-xellug, li ilha għal għexieren ta’ snin, f’dan ir-reġjun li jinsab fin-naħa ta’ fuq tal-Italja.

Ir-riżultat intlaqa’ tajjeb ferm mill-politiċi taċ-ċentru-xellug u l-Gvern Taljan li, fl-aħħar ġimgħat, kienu qed jiffaċċjaw il-problemi u li kienu qed iqisu l-eżami ta’ Emilia-Romagna ( wieħed mill-aktar reġjuni sinjuri fil-pajjiż) bħala kruċjali ferm għall-futur tal-Gvern – u tal-Italja.

Salvini kien qed jittama li l-vot tal-Ħadd jagħtih rebħa li, fl-istess ħin, setgħet twitti t-triq għal waqa’ tal-Gvern ta’ koalizzjoni li qed imexxi lill-Italja… Gvern li jinkludi lill-Partit Demokratiku tax-Xellug (PD) u li hu mifni bid-diżgwid intern.

Sadattant, Nicola Zingaretti, il-Kap tal-PD, qal li ‘il-Gvern ħareġ aktar b’saħħtu mill-elezzjonijiet tal-Ħadd’ filwaqt li sostna li ‘Salvini falla fit-tenattiv biex iwarrab lill-amministrazzjoni preżenti’.

Ir-riżultat finali tal-vot f’Emilia-Romagna ikkonferma li l-Gvernatur tal-PD, Stefano Bonaccini, irnexxielu jikseb 51.4 fil-mija tal-vot kontra t-43.6 fil-mija għal Lucia Borgonzoni, il-kandidat tal-Lega u l-ispalla ta’ Salvini f’din l-elezzjoni.

Filwaqt li rebħa ‘għal Salvini’ ma kenitx twassal għar-riżenja obbligatorja tal-Gvern, dan ix-xenarju potenzjali kellu bilfors jirriżulta fi pressjoni intensiva għall-koalizzjoni fraġli tal-Italja.

Intant, il-Moviment Cinque Stelle rebaħ biss 3.5 fil-mija tal-voti f’Emilia-Romagna u ftit aktar minn 7 fil-mija fil-voti tal-Ħadd f’Calabria. Dan wara r-riżenja, ftit jiem ilu, tal-Kap ta’ dan il-partit Luigi Di Maio. Fl-istess ħin, ir-riżultati tal-Ħadd mistennija jdgħajjfu l-pożizzjoni ta’ Cinque Stelle fi ħdan il-Gvern ta’ koalizzjoni u bir-riżultat li l-PD, ’il quddiem, ikollu aktar saħħa biex jixpruna l-politika tiegħu.