Lokali

“Dijabolika d-deċiżjoni tal-PM li jpoġġi lir-regolatur tal-kaċċa taħt il-Ministeru għal Għawdex”

BirdLife Malta tikkundanna din id-deċiżjoni, li hija waħda purament elettorali

Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jpoġġi lir-regolatur tal-kaċċa taħt il-Ministeru għal Għawdex hija dijabolika. BirdLife Malta tikkundanna din id-deċiżjoni bħala waħda purament elettorali.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta irreaġixxa: “Id-deċiżjoni li t-Taqsima tarRegolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU) – li sservi bħala r-regolatur dwar il-kaċċa u l-insib f’Malta – tiġi trasferita taħt il-Ministeru għal Għawdex taħt Clint Camilleri, hu stess kaċċatur u nassab, hija mossa dijabolika li tibgħat messaġġ ħażin. L-unika kunsiderazzjoni f’dan il-każ hija waħda purament elettorali.”

Bħala l-ikbar NGO ambjentali f’Malta, BirdLife Malta kienet tittama li l-Prim Ministru Robert Abela jirrispondi għall-preokkupazzjonijiet ambjentali u jgħaddi r-responsabbiltà tal-kaċċa u l-insib lil Ministeru li jħaddan l-ambjent, u mhux lil-lobby tal-kaċċa u l-insib.

BirdLife Malta tfakkkar lill-Prim Ministru li Malta qed tiffaċċja Proċeduri ta’ Ksur fuq livell tal-UE b’rabta mad-deċiżjoni li tiftaħ l-insib għall-għasafar talgħana u għall-insistenza tagħha li tippermetti l-insib għal speċi oħrajn.

Aktar minn hekk BirdLife Malta tittama li l-Prim Ministru hu konxju sew talproċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet soġġettiv li jitħaddem fil-WBRU u l-preżenza qawwija ta’ kaċċaturi u nassaba li hemm f’din it-taqsima.

BirdLife Malta tħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jerġa’ jikkunsidra din id-deċiżjoni u jpoġġi l-WBRU fi ħdan ministeru li jirrifletti l-aspirazzjonijiet ta’ nazzjon li jqis lill-ambjent bħala prijorità.