Lokali Parlament

Il-Parlament ifakkar l-Olokawst

Carm Mifsud Bonnici: Il-passat jorbot il-preżent u l-futur…l-ollokawst kien telfa għall-valuri Ewropej u d-drittijiet tal-bniedem

Il-parlament Malti fakkar l-ollokawst; it-traġedja li fiha n-Nażisti qatlu miljuni ta’ Lhud u popli oħra.

F’din il-kommemorazzjoni tkellmu l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u d-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici.

L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia sellem lill-vittmi tal-ollokawst fi żmien in-Nażisti u sellem ukoll lill-Maltin li fit-tieni gwerra dinjija kienu eżiljati fl-Uganda mill-Gvern Ingliż. Dan flimkien mal-Maltin li fit-tieni gwerra kienu eżiljati f’numru ta’ kampjijiet oħra ta’ konċentrament.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela tkellem dwar il-ħruxijiet li għaddew minnhom il-miljuni li nqatlu fil-kampijiet ta’ konċentrament fi żmien il-Ġermanja Nażista. Hu qal li minkejja li l-istorja tirrikonoxxi l-iktar lill-miljuni ta’ Lhud li nqatlu iżda filf-att kien hemm eluf kbar oħra minn popli oħra li wkoll inqatlu.

Il-Ministru Abela qal li l-ollokawst ma seħħx biss minn Hitler u l-kollaboraturi tieħu iżd wkoll minn komunità internazzjonali li baqgħet siekta quddiem il-qtil.

Carmelo Abela qal li anki l-popolazzjoni Ġermaniża għalqu għajnejhom quddiem l-atroċitajiet li kien qed iwettaq ir-reġim Nażista. Hu kkritika wkoll il-mod kif il-pajjiżi l-oħrajn ma fetħux idejhom għar-refuġjati.

L-istorja tista’ tirrepti ruħha, sostna l-Ministru Abela, li kompla li l-lemin estrem illum qed jerġa jerfa’ rasu anki bir-riżultat tal-aħħar elezzjonijiet tal-parlament Ewropew fejn kien vot lil fazzjonijiet tal-lemin estrem.

Il-Ministru Abela appella biex ma terġa’ tinħoloq sitwazzjoni bħal dik li wasslet għat-traġedja tat-tieni gwerra u qal li l-organizzazzjonijiet multilaterali għandhom rwol fundamentali f’dan ir-rigward.

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li Malta tagħmel sew daħħal din il-ġurnata fil-kalendarju u l-Maltin għandhom jingħadu ma oħrajn biex jirriflettu fuq dak kollu li seħħ u fuq il-banalità tal-ħażen li dak ir-reġim dittatorjali wettaq.

Hu qal li l-poplu m’għandhomx jinsew il-passat tal-ollokawst għaliex dan hu passat li ma jrid jintesa’ iżda li jibqa’ jorbot u jikkundizzjona l-preżent u l-futur. Carm Mifsud Bonnici appella biex il-passat ikun analizzat biex ma jitkissirx il-preżent u l-futur.

Ħadd m’għandu jkun indifferenti, sostna Carm Mifsud Bonnici, li tratta l-istorja ta’ kif seħħ l-ollokawst. Id-dinja u l-Ġermaniżi ma jistgħux jgħidu li ma kienux jafu b’dak li kien qed iseħħ; il-kwistjoni kienet tal-poplu li fil-maġġoranza għażel dik it-tirq biex seħħ il-ġenn ta’ Hitler.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dawn kienu atti ta’ vjolenza kbira wara li kienu seħħu atti ta’ tradimenti min-nies kontra oħra. Hu sostna li din kienet telfa għall-valuri Ewropa, għal-libertà, għad-djalogu, għad-dibattitu u għat-tollerranza. Auschwitz m’hix biss traġedja Lhudija iżda traġedja tal-bniedem sħiħ. Malta dejjem ipprovat tkun pajjiż moderat . Auschwitz juri dak li qatt ma kellu jseħħ, sostna Carm Mifsud Bonnici.