Lokali Saħħa

It-tobba diżappuntati bil-preżenza ta’ Joseph Muscat

Il-MAM tinsab iddiżapuntata wara li ġie żvelat li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat attenda għal-laqgħa bejn il-Prim Ministru Robert Abela u Steward Healthcare.

Net News ħa l-kummenti tal-President tal-MAM, Martin Balzan illi fissrilna għaliex it-tobba jinsabu imħassba b’dak li seħħ fl-aħħar jiem.

Sorsi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkonfermaw il-preżenza ta’ Muscat f’din il-laqgħa. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli għas-saħħa Chris Fearne u l-Kap tas-Servizz Pubbliku Mario Cutajar.

Steward Healthcare qed imexxu l-Isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u jidher li l-laqgħa saret għaliex Steward iridu iktar flus mill-Gvern u tibdil fil-kuntratt iffirmat mal-Gvern.

Martin Balzan qal li hija ta’ sorpriża li Steward talbu għal aktar flus mit-taxxi tal-poplu wara snin jirċievu l-miljuni mingħajr ma naraw l-ebda investiment infrastruturali għall-kura tal-pazjenti.

L-editorjal tal-Malta Independent tat-Tnejn ukoll jitratta din it-tema. L-editur fil-fatt jghid li l-preżenza ta’ Joseph Muscat flimkien ma’ Robert Abela qed tħalli danni irreperabbli.

Itenni li għalkemm tal-Lejber pruvaw ipinġu lil Muscat jirriżenja fil-glorja, ilkoll nafu li huwa rriżenja għax kien dahru mal-ħajt.

L-Independent tfakkar li Muscat kien dak li kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u l-istess Prim Ministru li fejn kien meħtieġ li jittieħdu deċizzjonijiet drastiċi fuq in-nies ta’ madwaru u l-kollass tal-istituzzjonijiet, baqa’ m’għamel xejn.

L-Editorjal qal li Malta ma tiflaħx li jsiru aktar żbalji u manuvri bħal dawn għax pajjiżna ma jistax jara r-reputazzjoni tkompli titkisser.