Lokali

Jingħata bidu għall-Malta Catering Expo

Il-Malta Catering Expo huwa avveniment prinċipali kulinari li qed jiġi mtella’ flimkien mas-Soċjetà Maltija tax-Chefs.

L-għan ta’ dan l-avveniment kulinarju huwa sabiex issir promozzjoni tal-aħħar innovazzjonijiet f’din l-industrija tal-catering mill-fornituri ewlenin ta’ pajjiżna.


F’dan l-isfond, waqt dan l-avveniment isiru diversi kompetizzjonijiet tal-ikel minn chefs prominenti f’pajjiżna fejn jippreparaw diversi platti tal-ikel b’mod mill-iktar professjonali.

Dawk li jattendu għal dan l-avveniment jistgħu jaraw ghazla vasta ta’ prodotti tal-ikel li jvarjaw minn laħam, prodotti tal-ħalib u xorb differenti, kif ukoll makkinarju li jintuża fl-istabbilimenti ewlenin f’pajjiżna.

Hekk kif din l-industrija qiegħda dejjem tikber, qed jinħass iktar il-bżonn tal-kunċett ta’ kwalità fejn il-prodotti użati jkunu garantiti u konsistenti. 

Waqt dan l-avveniment qed isiru diversi seminars minn professsjonisti f’dan is-settur fejn qed jiġu diskussi tendenzi u kunċetti li jaffettwaw is-settur tal-ospitalità. Tema oħra li ġiet trattata kienet dwar l-għodod neċessarji li jridu jittieħdu f’dan is-settur wara li jidħol fis-seħħ Brexit.

Il-Malta Catering Expo tibqa’ miftuħa kuljum mill-għaxra ta’ filgħodu sas-sitta ta’ filgħaxija sa nhar il-Ħamis li ġej.