Basketball

Jirbħu Hibernians u Starlites u jkomplu jaqsmu l-ewwel post

(Ritratt: Trevor Sollars)

Iż-żewġ timijiet li qed jiddominaw il-kampjonat MAPFRE MSV Life tan-nisa, jiġifieri Hibernians u Starlites GIG, komplew jirbħu meta għelbu faċilment lil ARMS Depiro u Caffe Moak Luxol biex komplew jaqsmu l-ewwel post fil-klassifika. Fir-rebħa ta’ Hibernians, huma marru 14-8 minn fuq iżda l-vantaġġ tagħhom intilef hekk kif Depiro ġabu d-draw bl-iskor 18-18. Il-Pawlisti rkupraw u spiċċaw l-ewwel perjodu 26-22 fil-vantaġġ.

Hibernians komplew ikunu ftit aħjar minn Depiro anki fit-tieni perjodu u rnexxielhom ikabbru l-vantaġġ għal 39-29. Bir-reazzjoni ta’ Depiro ma tasalx, Hibernians daħlu jistrieħu 44-29 fil-vantaġġ. Il-logħba żammet l-istess andament, bil-vantaġġ ta’ Hibernians jikber għal 68-46. Kien lejn l-aħħar ħames minuti li Depiro naqqsu d-distakk wara li l-kowċ ta’ Hibernians għamel ir-rotazzjoni fit-tim. Hibernians xorta ħarġu rebbieħa 83-63.

Fit-tieni logħba, Starlites kellhom jistennew sa wara l-mistrieħ biex imponew is-superjorità tagħhom rebħu 65-49 kontra Luxol. Wara li Starlites marru 11-2 minn fuq, huma sofrew ir-reazzjoni ta’ Luxol li rnexxielhom idawru r-riżultat u marru 16-15 fil-vantaġġ.

Kienu Starlites li kisbu l-aħħar ħames punti tas-sessjoni u bdew it-tieni waħda b’vantaġġ ta’ 20-16. Wara li Starlites kabbru l-vantaġġ għal 28-20, kien imiss lil Luxol li jkollhom mument pożittiv u naqqsu d-distakk għal 30-29. Starlites daħlu jistrieħu 35-31 fil-vantaġġ u wara l-mistrieħ il-vantaġġ kiber għal 51-47. Huma bdew l-aħħar għaxar minuti 54-41 fuq quddiem u kkontrollaw l-aħħar minuti għal rebħa komda.