Lokali Qorti

Keith Schembri jwaqqa’ libell kontra The Malta Independent

L-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru, Keith Schembri, waqqa’ libell li kien fetaħ kontra l-ġurnal The Malta Independent. Fl-artiklu tiegħu l-ġurnal kien allega li fl-2014 hu rċieva €750,000 f’kumpanija li kellu fil-British Virgin Islands.

Il-Maġistrat Victor Axiaq ġie infurmat li Schembri stess iffirma ittra li permezz tagħha waqqa’ l-libell u dan erbat ijiem wara li l-avukat tiegħu ddeċieda li ma jkomplix jassistih.

L-Avukat tal-ġurnal inkwistjoni, Peter Fenech ma kienx infurmat dwar dan l-iżvilupp u sar jaf biss meta dalgħodu tela’ l-Qorti għall-każ. L-artiklu, bit-titlu: ‘Three quarters of a million transferred into PM’s Chief of Staff BVI company in 2014’ kien ippubblikat fil-15 ta’ Settembru tal-2016.

Fl-aħħar smigħ tal-każ, Schembri ma deherx il-Qorti u l-Avukat tiegħu, Andrew Sciberras, formalment iddikjara li mhux se jibqa’ jidher għall-eks Chief of Staff.

Dan huwa libell ieħor li twaqqa’ minn Keith Schembri, fost is-saga tal-libelli li waqqa’ – fosthom tnejn li kien fetaħ kontra Daphne Caruana Galizia b’rabta mal-każ Egrant.