Lokali

L-Oppożizzjoni tkompli bil-ħidma biex l-isptarijiet jirritornaw għand il-poplu

Waqt li fil-Qorti l-Oppożizzjoni għaddejja b’taqtigħa legali biex l-isptarijiet tal-poplu, li biegħ Gvern Laburista, jiġu ritornati għand il-poplu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qed jipprova jżomm il-kontroll tiegħu fuq dan id-deal.

Kien il-Kap tal-PN Adrian Delia li esprima dan it-tħassib, fi tmiem seduta oħra fil-każ dwar it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex l-isptarijiet jirritornaw għand il-poplu.

“Minkejja dak kollu li qed jiġri, minkejja  l-impressjoni li qed nippruvaw nuru li l-affarijiet qed jiġru b’mod differenti, jidher li dak li kien il-Prim Ministru Joseph Muscat għad irid ikollu kontroll fuq din il-biċċa xogħol,” iddikjara Adrian Delia.

Din id-dikjarazzjoni saret ftit wara li l-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li saret laqgħa bejnu u bejn Stewart Healthcare …u kkonferma li miegħu kien hemm il-predeċessur tiegħu, l-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat.

Dan wara li l-media indipendenti kixfet li saret il-laqgħa, bil-ġurnali tal-Ħadd jiżvelaw ukoll li hemm talba minn Steward Healthcare biex jiġi negozjat mill-ġdid il-ftehim li permezz tiegħu l-isptarijiet tal-pubbliku inbiegħu għal €1.

Quddiem dawn ir-rapporti, Robert Abela ma setax jiċħad li talba simili se tkun fuq il-mejda.

“Flimkien ma Mr Fearne, [Joseph Muscat] introduċieni magħhom. Kien hemm laqgħa ta’ introduzzjoni li damet ftit minuti biss ….. jien miftuħ għal kollox, mhu neskludi ebda xenarju.”

Għall-kuntrarju, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jitlob li jiġi skrutinizzat il-ftehim u eventwalment ikun xolt… għax ma jaqbilx ghall-poplu Malti u Għawdxi.

Sadattant fil-Qorti ġie ppreżentat rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-ftehim bejn il-Gvern u Vitals, il-predeċessuri ta’ Steward Healthcare. Rapport li fl-aħħar seduti, rappreżentanti tal-Gvern u tal-Avukat Ġenerali kienu qed jinsistu li jżommuh sigriet.

Iżda issa, b’ordni tal-Qorti, se jkun qed jgħaddi għand l-Oppożizzjoni biex ikun jista’ jiġi analizzat.