L-Ungerija rritornat fuq it-tron tal-waterpolo Ewropew meta fil-finali tal-Kampjonat Ewropew rebħet kontra Spanja 14-13 bl-għoti tal-penalties, wara li l-logħba fil-ħin regolamentari ntemmet 9-9. Din kienet it-13-il darba li l-Ungerija rebħet il-Kampjonat Ewropew iżda kien l-ewwel suċċess wara 21 sena.
Għal Spanja dan kien diżappunt ieħor wara li fl-aħħar edizzjoni ta’ sena u nofs ilu f’Barcelona, l-Ispanjoli kienu wkoll waslu sal-finali iżda dakinhar kienu megħluba mis-Serbja. B’hekk din hi t-tielet darba li Spanja waslet sal-finali u spiċċat it-tieni, bl-okkażjoni l-oħra tmur lura għas-sena 1991. Inċidentalment bħal dak li seħħ fl-aħħar edizzjoni, iż-żewġ nazzjonijiet kbar li kienu fil-grupp ta’ Malta, ikkontestaw il-finali.

Spanja rebħet l-ewwel sessjoni 3-1 iżda l-Ungerija rnexxielha ddawwar ir-riżultat bi tliet gowls mingħajr risposta fit-tieni sessjoni. Iż-żewġ timijiet skorjaw darbtejn kull wieħed fit-tielet sessjoni, b’Spanja ġġib id-draw erba’ darbiet fl-aħħar sessjoni. Il-logħba kellha tkun deċiża bl-għoti tal-penalties, biż-żewġ timijiet jiskorjaw l-ewwel erba’ penalties. Gergo Zalanki skorja l-penalty tal-Ungerija, bl-aħħar penalty ta’ Alvaro Granados ikun salvat mill-gowlkiper sostitut Som Vogel.
Il-Montenegro spiċċat fit-tielet post b’rebħa ta’ 10-9 kontra l-Kroazja, is-Serbja li rebħet l-aħħar erba’ edizzjonijiet, kellha tikkuntenta bil-ħames post wara rebħa ta’ 8-7 kontra l-Italja, bil-Greċja tirbaħ 11-9 kontra r-Russja biex spiċċat fis-seba’ post. L-edizzjoni li jmiss issir fi Split il-Kroazja fl-2022.
