Internazzjonali

Libja: Spinta ġdida ta’ attakki mill-qawwiet ta’ Haftar

Kollox qed jindika li l-Armata Libjana tal-Lvant taħt it-tmexxija ta’ Khalifa Haftar kompliet għaddejja bl-attakki fil-Libja minkejja s-sejħiet ripetuti għal waqfien mill-ġlied.

L-aħħar aggressjoni mit-truppi ta’ Haftar – li qed imexxi offensiva fuq il-Gvern Libjan ta’ Tripli – kienet irrappurtata fiz-zona ta’ Abu Gurain, lejn in-Nofsinhar ta’ Misrata.

L-azzjonijiet militari ta’ Haftar qegħdin ikomplu minkejja l-appell mill-aħħar Konferenza Internazzjonali dwar il-Libja (organizzata f’Berlin) biex l-isparar jieqaf ħalli jingħata ftit taċ-ċans lid-djalogu bejn l-avversarji Libjani.

Kelliema għall-Gvern Libjan immexxi mill-Prim Ministru Fayez al Sarraj u li jgawdi l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti, qalu li l-battalji fir-reġjun indikat (li hu taħt il-kontroll tal-Gvern) għadhom għaddejjin u li l-qawwiet ta’ Haftar anki bbumbardjaw ir-residenzi għaċ-ċivili.

Aktar kmieni dan ix-xahar, ir-rappreżentanti tan-naħat Libjani rivali kienu ħabbru waqfien mill-ġlied b’rispett għall-appell konġunt min-naħa tat-Turkija (li qed tappoġġja lill-Prim Ministru Sarraj) u r-Russja, li hi sostenitur ta’ Haftar.

Madankollu, it-taħditiet għal waqfien mill-ġlied permanenti intemmu mingħajr ftehim wara li Khalifa Haftar telaq minn Moska (fejn kienu għaddejjin it-trattativi) mingħajr ma ffirma l-ftehim.

Ġimgħa wara, Haftar aċċetta t-termini mill-Konferenza ta’ Berlin biex iressaq il-membri għal kummissjoni militari proposta min-Nazzjonijiet Uniti. Il-ħsieb wara din il-kummissjoni kienet li ħames membri nnominati minn Haftar u ħamsa oħra nnominati minn Saraj isegwu l-implimentazzjoni tal-proċess għall-waqfien mill-ġlied fil-Libja.

Madankollu, mid-19 ta’ Jannar ’il hawn, il-qawwiet ta’ Haftar abbużaw il-ftehim diversi drabi u fejn, fost oħrajn, spikkaw numru ta’ attakki fuq l-ajruport ta’ Mitiga fi Tripli.

Fl-aħħar jiem, Khalifa Haftar deher ukoll li qed jiftaħ front ta’ gwerra ġdid fil-Libja. Dan wara li hu, fi tmiem il-ġimgħa, mexxa lill-qawwiet tiegħu eqreb il-belt ta’ Misrata li hi alleata mal-Gvern ta’ Sarraj.

L-aħħar indikazzjonijiet huma li l-kumbattimenti bejn il-qawwiet ta’ Haftar u ta’ Sarraj reġgħu irrankaw u li dan qed iħalli ‘effett irreparabbli’ għall-ftehim fraġli għall-waqfien mill-ġlied.

Fl-istess ħin, in-Nazzjonijiet Uniti qegħdin iwissu li l-embargo tal-armi għal-Libja qed ikun abbużat mill-potenzi barranin li baqgħu jappoġġjaw ‘naħa Libjana kontra l-oħra’ f’dan il-konflitt.