Lokali

“Mhux nemmnek” – l-eks Kap tal-MFSA kritikat waqt l-Inkjesta Pubblika

Iċ-Chairman tal-MFSA Joe Bannister

L-eks Chairman tal-MFSA Joe Bannister, li serva f’din il-pożizzjoni sal-2018, kien kritikat mill-Imħallef Michael Mallia li ddikjara li ma kienx qed jemmnu waqt ix-xhieda tiegħu.

Dan hekk kif it-Tnejn kompliet l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, b’Joe Bannister ippressat dwar diversi kwistjonijiet …fosthom il-Panama Papers u l-Bank Pilatus.

Iżda r-risposti ta’ Bannister ftit li xejn ikkonvinċew lill-Imħallfin li qed jippresjedu l-inkjesta pubblika, b’Michael Mallia jiddirkjara li mhux jemmnu meta qal li ma talabx għar-rapport tal-Kunsill ta’ superviżjoni tal-MFSA dwar il-kumpaniji li ssemmew fil-Panama Papers.

Fost l-oħrajn Bannister iddikjara li ma rċieva l-ebda rapport mill-FIAU dwar il-Bank Pilatus, kif ukoll li ma kellux saħħa fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-MFSA.

Hawn ukoll l-Imħallfin dehru li qed jitilfu l-paċenzja, bl-Imħallef Joseph Said Pullicino jordnalu jgħid min jista’ jagħti r-risposti. Ma weġibx lanqas jekk għadux konsulent tal-Prim Ministru dwar Brexit, għax qal li ma jafx.

Kien mistoqsi wkoll dwar x’għamlet l-MFSA meta, fi kliem Said Pullicino, Malta kollha rat liċ-Chairman tal-Bank Pilatus ħiereġ minn Malta b’bagalja mimlija. Dan wara li nqabad f’filmati ta’ Net News. Hawn ukoll Bannister ftit li xejn wieġeb, ħlief li jafda fl-integrità tal-uffiċjali tiegħu.

Dan waqt li kkonferma dak li qal il-Kap tal-FIAU Manfred Galdes, li l-FIAU kellha problemi finanzjarji, b’nuqqas ta’ staff u pagi baxxi.

In-nuqqas ta’ tweġibiet minn Bannister ma tantx niżlu tajjeb mal-Bord, tant li malli kien ħiereġ, wieħed mill-membri tal-Bord iddikjara li hu affaxxinat kif persuni bħalu jużaw il-liġi biex ma jweġbux.

Qabel ix-xhieda ta’ Michael Bannister kompliet ukoll ix-xhieda tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, iżda din instemgħet wara bibien magħluqa.

L-inkjesta pubblika issa tkompli nhar l-Erbgħa li ġej, fejn fost l-oħrajn mistenni jixhed l-eks uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris.Fit-3 ta’ Frar se tixhed ukoll Marianne Camilleri, id-Direttur Ġenerali tal-MFSA.