It-truppi Amerikani li huma stazzjonati fis-Sirja qegħdin jikkonċentraw mill-ġdid fuq il-ġlieda kontra t-terroristi tal-ISIS. Dan wara li huma, fl-aħħar ġimgħat, kienu qed jaddottaw it-tattiċi difensivi minħabba l-possibbiltà ta’ ritaljazzjoni mill-Iran għall-assassinar tal-Kmandant Suprem militari (Iranjan), Qasem Soleimani, li spiċċa l-mira ta’ drone tal-Amerikani meta hu kien qiegħed fl-Iraq.
Il-Ġeneral Amerikan Kenneth McKenzie, li hu responsabbli għall-azzjonijiet militari fil-Lvant Nofsani, ħabbar, issa, li ‘it-truppi tiegħu reġgħu qabdu r-ritmu (fil-kampanja kontra l-fdalijiet tal-ISIS fis-Sirja)’. Fil-fatt, McKenzie qal li l-qawwiet tiegħu, bħalissa, qegħdin imexxu bejn tlieta u erba’ kampanji militari f’ġimgħa fis-Sirja u fejn huma qed jingħataw appoġġ mill-Qawwiet Demokratiċi tas-Sirja (SDF) magħmulin mill-ġellieda Kurdi.
Il-Ġeneral, iżda, ma qalx kemm se jdumu dawn l-inizjattivi militari jew kemm it-truppi Amerikani għandhom idumu fis-Sirja. Dan meta l-militar tal-Istati Uniti spiċċa stazzjonat f’dan it-territorju mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Gvern Sirjan inkella bħala parti minn xi riżoluzzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
Suppost li l-militar Amerikan ilu żmien li rtira mis-Sirja — bil-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, iħabbar darbtejn dan il-pass tul il-Presidenza tiegħu u fejn, kull darba, mar lura minn din il-wegħda.
Intant, il-qtil, kmieni fix-xahar, tal-Ġeneral Soleimani kien wassal għal pawsa twila fl-azzjonijiet anti-ISIS mill-Amerikani fl-artijiet Sirjani; b’numru ta’ osservaturi jesprimu inkwiet li t-terroristi ‘setgħu jieħdu saħħa ġdida mis-sitwazzjoni’.
Sadattant, jidher li t-truppi Amerikani li qed iżommu l-pożizzjonijiet qrib iz-zoni li jipproduċu ż-żejt fil-Lvant tas-Sirja diġà żiedu l-offensiva fuq il-ġellieda tal-ISIS fil-madwar. Fl-istess ħin, l-Istati Uniti tinsisti li din il-preżenza ta’ truppi Amerikani qed tevita sitwazzjoni fejn dawn iz-zoni taż-żejt jistgħu jaqgħu f’idejn it-terroristi.
//= $special ?>