Basketball Sport

Starlites fis-semifinali tan-knock-out tal-irġiel b’rebħa drammatika

(Ritratt: Martin Agius)

STARLITES GIG ……………………. 71

GŻIRA ATHLETA…………………… 70

(18-17, 19-25, 17-15, 17-13)

Starlites: A. Felice Pace (6), B. Zammit, R. Bonnici (17), I. Felice Pace (5), M. Fabri, M. Falzon, M. Scerri (7), R. Carabott, K. Kulos (26), R. Aheran (10)

Gżira Athleta: M. Novakovic (13), C. Crossland (4), E. Sciberras, P. Shoults (8), L. Stefanovic (8), E. Galea, N. Xuereb, M. Gouder (20), I. Thiesen (14), E. Abela, R. Abela, S. Pace (3)

Referees: B. Vassallo, I. Simic, K. Dworniczak

Starlites GIG eliminaw lil Gżira Athleta f’logħba mir-rawnd preliminari. Ir-rebħa għalihom waslet b’żewġ free-throws fl-aħħar erba’ sekondi u setgħu għalqu l-logħba qabel kieku ma tilfux diversi free-throws. Gżira Athleta ħassew in-nuqqas ta’ Connell Crossland li ma kienx fl-aħjar kundizzjoni u lagħab biss l-aħħar minuti tat-tielet perjodu u l-aħħar perjodu.

Kienu Athleta li ħadu vantaġġ bikri, b’Starlites jitjiebu lejn nofs l-ewwel perjodu u anki marru 14-13 minn fuq. Athleta kisbu żewġ baskets konsekuttivi iżda Starlites irnexxielhom itemmu l-ewwel perjodu punt minn fuq.

Athleta bdew it-tieni sessjoni aktar aggressivi u determinanti u rnexxiellhom jagħmlu dan hekk kif fetħu vantaġġ ta’ 27-21. Lejn nofs il-perjodu, Starlites bdew jilagħbu aħjar u naqqsu l-iżvantaġġ għal tliet punti. Ir-reazzjoni ta’ Gżira Athleta kienet pożittiva u saħansitra marru 39-30 fil-vantaġġ u anki daħlu jistrieħu 42-37. Il-logħba baqgħet bilanċjata hekk kif iż-żewġ timijiet baqgħu jwieġbu għal xulxin, sakemm Starlites kisbu basket u naqqsu d-distakk għal tliet punti biss.

Wara l-ewwel minuti, Starlites kisbu l-punti b’mod konsekuttiv u marru 67-63 fuq quddiem. Athleta reġgħu marru fil-vantaġġ tliet minuti mit-tmiem. Starlites bdew jitilfu l-free-throws u basket ta’ Shoults poġġa lil Athleta punt minn fuq b’sitt sekondi għat-tmiem. Wara fawl fuq l-aqwa skorer ta’ Starlites, Kulas ma falliex mill-free-throws. Nathan Xuereb ta’ Athleta prova l-aħħar tentattiv iżda ħabat mar-ring u ħareġ barra.