Lokali Qorti

Tliet snin ħabs fuq żewġ hold-ups li wettaq waqt li kien bil-libertà proviżorja

Karkariż ta’ 30 sena ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li kkommetta żewġ hold ups waqt li huwa kien jinsab bil-libertà proviżorja, fuq pleġġ ta’ €6,000, liema somma huwa tilef minħabba li kiser diversi kundizzjonijiet tal-Qorti.

Sean Farrugia ammetta li fit-18 ta’ Jannar li għadda huwa wettaq hold up fuq sid tal-ħanut tal-kebabs u receptionist ta’ lukanda meta kien armat b’sikkina li hedded biha. Huwa seraq is-somma ta’ €420 mill-ħanut Istanbul Kebab House li jinsab fix-xatta tal-Gżira, fejn huwa daħal fil-post armat b’sikkina u talab il-flus lil persuna li nzertat tieħu ħsieb il-ħanut.

Farrugia ammetta wkoll li kien wettaq serqa oħra lura fis-6 ta’ Jannar li għadda, u dan meta huwa hedded ħaddiem b’sikkina fil-lukanda Blubay, ukoll fil-Gżira, u seraq is-somma ta’ €650.

L-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Colin Sheldon mexxew il-Prosekuzzjoni, b’Farrugua jammetti wkoll li kien fil-pusses ta’ arma mhux liċenzjata, u li sar reċediv.

Meta tressaq l-ewwel darba Farrugia wieġeb mhux ħati iżda meta kienu se jibdew il-provi, ammetta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, l-akkużi miġjubin kontrih.

Fis-sentenza mogħtija l-Maġistrat Mifsud qal li huwa ħa nkunsiderazzjoni tal-interessi tal-persuna akkużata u tal-vittmi, kif ukoll tas-soċjetà inġenerali. Ġie nnutat ukoll il-fatt ukoll li kiser żewġ digrieti tal-Qorti fuq il-libertà proviżorja, li wkoll huwa reat serju.

“Ma jistax ikollna persun li, minflok joqgħodu mal-ordnijiiet tal-Qorti, jitrattaw dawn dawn l-affarijiet, li huwa dokumentati fil-Qorti, bħala qieshom xi biċċa karta jew xi ikel tal-annimali.” Minbarra tliet snin ħabs, it-teħid tal-garanzija personali, huwa ġie mmultat ukoll €234 fuq pusses ta’ sikkina bla permess.