Lokali Qorti

44 xahar ħabs fuq serq ta’ ġojjellerija u deheb minn numru ta’ residenzi

Raġel mill-Ġorġja li jaħdem bħala xufier ġie kundannat 44 xahar ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati wara li ammetta li wettaq numru ta’ serqiet, tmienja minn diversi lokalitajiet f’Ottubru li għadda. Ħareġ li seraq oġġetti li kellhom valur ta’ aktar minn €20,000, l-aktar f’oġġetti relatati ma’ deheb u ġojjellerija.

Avtandil Rusia li għandu 37 sena u huwa mill-Georgia, instab ħati b’serqiet minn diversi residenzi f’Ħaż-Żebbuġ, San Ġwann, Rabat, Tas-Sliema, Ħ’Attard, Ħal Qormi u s-Swieqi bejn is-17 u d-29 ta’ Ottubru tal-2019.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud qalet li min ikun imsejjaħ biex jiġġudika m’għandux iħares biss l-interessi tal-persuna kkundannata, imma l-interessi tal-vittma jew vittmi tar-reat u s-soċjetà in ġenerali. Dan iseħħ billi tingħata piena li tassigura li tnaqqas reati oħrajn simili u li twassal għar-rijabilitazzjoni u r-riforma tal-ħati.