Sport Sport Ieħor

Barty l-ewwel Awstraljana fis-semifinali tal-Open tal-Awstralja wara 36 sena

(Ritratt: EPA)

Ashleigh Barty saret l-ewwel mara Awstraljana f’36 sena li waslet sas-semifinali b’rebħa t’ 7-6, 6-2 kontra Petra Kvitova. Barty li hi r-rebbieħa tal-Open ta’ Franza, tilgħab kontra Sofia Kenin mal-aħħar erbgħa. L-aħħar tennista Awstraljana li waslet sas-semifinali f’Melbourne Park kienet Wendy Turnbull fl-1984.

Hi ħadet vantaġġ min-nuqqasijiet ta’ Kvitova li tul il-logħba falliet tmien break points, set point u vantaġġ fit-tie-break. Kvitova li kienet megħluba fil-finali tas-sena l-oħra kontra Naomi Osaka, tilfet l-ewwel set f’siegħa u disa’ minuti u fit-tieni set ma sabitx tarf ta’ Barty li fetħet vantaġġ komdu ta’ 4-0 u rebħet it-tieni set f’35 minuta.

Kenin eliminat lit-Tuneżina Ons Jabeur li salvat ħames set points fl-ewwel set qabel issieltet fit-tieni set, liema sforzi kienu inutli hekk kif ħallset il-prezz ta’ 36 unforced errors. Kenin salvat tliet break points meta kienet 2-3 fit-tieni set u sostniet li dak il-mument kien importanti għaliha hekk kif minn hemm bdiet tilgħab aħjar.