Futbol Sport

Birkirkara jippreżentaw lill-eks internazzjonali Spanjol Diego Capel

Birkirkara ħabbru l-akkwist tal-midfielder Diego Capel b’kuntratt sa tmiem l-istaġun b’għażla li l-kuntratt jiġġedded b’sena oħra. Capel li għandu 31 sena, fil-karriera tiegħu lagħab fosthom ma’ Sevilla u anki mat-tim nazzjonali Spanjol. Din l-aħbar kienet żvelata l-ewwel f’pajjiżna mill-paġna ta’ Replay fuq facebook.

Capel għamel id-debutt ma’ Sevilla fl-istaġun 2004/05 fl-età ta’ 16-il sena u dak iż-żmien kien meqjus bħala wieħed mill-aktar żgħażagħ promettenti. Hu lagħab mal-klabb sal-2011 u kien parti integrali mit-tim li rebaħ it-Tazza UEFA fl-istaġuni 2005/06 u 2006/07, is-Super Cup Spanjola fl-2007 u t-Tazza tar-Re fl-istaġun 2009/10. Ma’ Sevilla lagħab 173 logħba u skorja 12-il gowl u fl-istaġun 2011/12 ħalla l-klabb biex ingħaqad ma’ Sporting. Mal-klabb Portugiż lagħab għal erba’ staġuni u magħhom rebaħ it-Tazza Portugiża fl-2015.

Minħabba li ma baqax jilgħab b’mod regolari, fl-istaġun 2015/16, Capel beda avventura fis-Serie A ma’ Genoa u wara staġun biss, ingħaqad ma’ Anderlecht fil-Belġju u magħhom rebaħ il-kampjonat. Capel għamel staġun mingħajr klabb u fis-sajf tal-2018 ingħaqad ma’ Extremadura, klabb tat-Tieni Diviżjoni Spanjola. L-esperjenza tiegħu ma’ dan il-klabb damet biss għal staġun minħabba li ma kienx regolari.

Mat-tim nazzjonali Spanjol, Capel lagħab darbtejn fl-2008 f’partita ta’ ħbiberija kontra d-Danimarka u logħba kompetittiva kontra l-Bożnija. Hu kien parti mit-timijiet nazzjonali fil-kategoriji kollha u fosthom rebaħ il-Kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena fl-2006 u dak ta’ taħt il-21 sena fl-2011.

L-Ispanjol hu t-tieni akkwist ta’ Birkirkara f’dan ix-xahar wara li l-midfielder Taljan Claudio Bonanni tħabbar mill-klabb ftit jiem ilu. Capel mistenni jagħmel id-debutt it-Tnejn li ġej fil-konfront li Birkirkara għandhom kontra Balzan.