Lokali

Bżonn ta’ diskussjoni infurmata u kostruttiva

“Ir-riforma meħtieġa fil-PN hija ħafna akbar mill-bidla fl-isem”

Ir-rapporti li deheru f’xi ġurnali in konnessjoni ma’ xi modifika fl-isem tal-PN bl-ebda mod ma jirriflettu s-sustanza ta’ dak li qed jiġi propost u diskuss fil-partit. Huwa ovvju li “Ir-riforma meħtieġa fil-PN hija ħafna akbar mill-bidla fl-isem”. Hu għalhekk li l-proposti li diġa’ ssottomettejt huma sostanzjali. Kieku kellhom jiġu aċċettati u implimentati tajjeb inħossni fiduċjuż li jagħtu ħajja ġdida lill-partit.

Hekk sostna Louis Galea, il-persuna inkarigata mill-proċess Riforma u Tiġdid PN.

Fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar il-Membri Parlamentari kollha kienu mistiedna għal diskussjoni. Jiena preżentajt u ddiskutejt il-proposti fi tliet sessjonijiet twal. Numru sew mis-suġġerimenti tal-MPs ġew inkorporati fil-proposti. Issa jmiss li d-diskussjoni tgħaddi fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv, imbagħad fl-Assembleji tal-Kunsilliera, biex wara tiġi deċiża fil-Kunsill Ġenerali.

Ir-riforma u t-tiġdid tal-PN huma urġenti u fl-interess sew tal-partit u wisq aktar tal-pajjiż. Bħala parti mill-ħidma tiegħi fil-proċess ta’ riforma u tiġdid tal-PN, s’issa diġa issottomettejt proposti dwar:

a) ħidma aktar effettiva mill-Grupp Parlamentari;

b) riformi meħtieġa b’mod urġenti fil-qafas istituzzjonali u politiku biex pajjiżna jirritorna għattriq ta’ demokrazija sħiħa u governanza tajba;

c) aġġornament tal-Istqarrija tal-Missjoni tal-partit li tipprovdi l-bażi għall-aġġornament talħsieb u l-politika tal-partit; u

d) tibdil bl-iskop li l-partit jiġi riorganizzat madwar struttura politika demokratika u effettiva li taħdem permezz ta’ tim f’kull livell.

Għal dan l-iskop proponejt abbozz li jaġġorna l-Istatut tal-partit billi jaghti każ l-izviluppi li seħħew fis-soċjetà fl-aħħar snin, kif ukoll il-bżonn urġenti li l-partit jorganizza ruħu fuq sisien b’saħħithom u moderni.

Dawn li-proposti fassalthom wara diskussjonijiet li kelli:

a) mal-kumitati lokali kollha f’Malta u Għawdex;

b) mal-Membri Parlamentari kollha tal-PN individwalment;

c) mal-Ferghat tal-partit (żgħżagħ, nisa, ħaddiema, APAN, opportunitajiet indaqs, SMEs, professjonisti, kunsilliera u ex-Deputati u Kandidati);

d) mal-ufficjali tal-Partit, inkluz il-Kap; u

e) ma’ numru sew ta’ Maltin u Għawdxin li urew ix-xewqa li jesprimu ruhħhom fuq issitwazzjoni.

Barra minn hekk analizzajt il-kwestjonarju li mlew il-Kumitati Lokali dwar x’jaħsbu li l-partit għandu jagħmel biex jiġġedded, jissaħħaħ u jsir għodda aktar effettiva għall-ġid tal-poplu.

Analizzajt ukoll numru konsiderevoli ta’ papers jew rapporti li diversi individwi ġentilment għoġobhom jibgħatuli. Il-proposti li ssottomettejt jien fil-ġimgħat li għaddew huma frott ta’ dan il-proċess ta’ dawn iddiskussjonijiet u riflessjonijiet.

Beħsiebni naħdem sabiex issir diskussjoni b’mod informat u kostruttiv li tgħin il-Kunsilliera tal-partit jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa fl-akbar interess tal-partit u tal-pajjiż

Ikkummenta