Futbol Sport

Eriksen uffiċjalment plejer ta’ Inter

(Ritratt: Inter FC)

Wara diversi jiem ta’ spekulazzjoni, waslet l-uffiċjalità li Christian Eriksen hu plejer ta’ Inter għas-somma ta’ €20 miljun. Il-midfielder Daniż iffirma kuntratt ta’ erba’ snin.

Bħala parti mill-ftehim, Inter se jħallsu wkoll €1 miljun lill-eks klabb ta’ Eriksen, Ajax filwaqt li Tottenham se jdaħħlu d-dħul minn partita ta’ ħbiberija kontra Inter fil-futur. Hu ħalla lil Tottenham wara sitt snin u nofs, b’69 gowl u 89 assist fi 305 logħbiet.

Eriksen wasal Milan it-Tnejn filgħodu wara ġimgħat ta’ negozjati bejn iż-żewġ klabbs, biċ-chairman ta’ Tottenham Daniel Levy jirrifjuta li jinżel mit-talba ta’ €20 miljun, anki b’riskju li jitlef lill-plejer b’xejn minħabba li l-kuntratt tiegħu kien jiskadi dan is-sajf.

Dan hu t-tielet akkwist ta’ Inter f’dan ix-xahar wara Ashley Young mingħand Manchester United u Victor Moses mingħand Chelsea. Eriksen se jilbes il-flokk numru 24 u jista’ jagħmel id-debutt illum kontra Fiorentina fil-Coppa Italia jew il-Ħadd li ġej kontra Udinese fis-Serie A.

Intant, Tottenham akkwistaw b’mod permanenti lil Giovani Lo Celso mingħand Real Betis għal madwar €30 miljun, bil-plejer jiffirma kuntratt sa Ġunju tal-2025. Il-klabb minn Londra ħa vantaġġ mid-dritt li jakkwista lill-plejer b’somma irħas minn dik tas-sajf li ġej. Dan wara li l-aħħar prestazzjonijiet tiegħu kienu konvinċenti.

Tags