Lokali Qorti

Familja trid lura r-residenza tagħha li qed juża’ l-Partit Laburista f’Santa Venera

Tgħid li qed tiġi sfurzata tissusidja partit politiku

Familja minn Santa Venera għandha x-xewqa li tirritorna f’residenza li qed tiġi użata mill-Partit Laburista. Din il-familja qed tgħid li qed tiġi sfurzata tissusidja partit politiku, meta din hija propjetà tagħha.

Din id-dar kienet ġiet rekwiżizzjonata fis-snin sittin u b’mod abbużiv kienet ġiet trasformata f’każin tal-Partit Laburista u għaldaqstant il-familja li hija sid ta’ din ir-residenza għamlet talba lill-Qorti Kostituzzjoni biex tali propjetà tingħata lura lilhom.

Wara numru ta’ snin ta’ battalji fil-Qorti, huma qegħdin jgħidu li d-dritt ta’ propjetà tagħhom u għat-tgwadija tal-istess art qed jiġi miksur, u ilu jinkiser. Il-familja qed tgħid ukoll li huma qegħdin jissusidjaw lill-Partit Laburista kontra l-volontà tagħhom.

Id-dar tal-familja Grech f’Santa Venera kienet ġiet rekwiżizzjonata minn Gvern Nazzjonalista fl-1967, iżda fl-1973, sentejn wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni, huwa għamel din id-dar tiegħu.

Wara li din ġiet allokata lill-Partit Laburista, l-Bord Regolarorju tal-Kera b’mod unaliterali ffissa r-rata ta’ kerha għas-somma ta’ €382 fis-sena. Fit-talba tagħhom fil-Qorti Kostituzzjonali, fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, li ġiet preżentata mill-Avukat Claire Bonello.

Is-sidien tar-residenza qed jargumentaw li l-Avukat Ġenerali, d-Direttur tal-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Partit Laburista, injoraw sentenza mogħtija fl-2009 li fiha l-familja Grech kienu ngħataw kumpens ta’ €75,000, li kumpens kien imnaqqas għal €60,000, bl-interessi legali mid-data tas-sentenza.

L-applikazzjoni fil-Qorti tgħid li t-teħid tal-propjetà kif stabbilit mill-Qorti kien xejn ħlief abbuż tal-poter. Minkejja li dan l-aħħar saru emendi fil-liġi biex titnaqqas l-inġustizzja fuq il-liġi tal-kerha, u d-dannu li kienu qegħdin jikkawżaw lis-sidien tal-propjetà, dan il-każ ma ġiex affetwat, minħabba li l-propjetà kienet meħuda minn partit politiku u mhux fuq xi bdil ta’ struttura jew ta’ min hi l-propjetà.

Il-familja Grech qed tgħid ukoll li huma ma kellhom l-ebda tama li jerġgħu jiġu fil-pusses tal-propjetà tagħhom, tal-anqas sakemm jibqgħu ħajjin. U dan kollu qed jikser id-dritt tagħhom, li jgawdu d-dritt tal-propjetà tagħhom.

Qalu wkoll li huma qegħdin jiġu sfurzati jissusidjaw partit politiku meta ma jridux u meta qed jikkontribwixxu aktar milli kieku kienu membri ta’ xi għaqda jew partit u dan il-fatt imur mhux biss kontra l-Kozstituzzjoni, iżda wkoll kontra il-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, qalet il-familja Grech.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-familja talbet lill-Qorti biex tiddikjara li l-effetti kollha tal-ordni ta’ rekwiżizzjoni jiġi dikjarati nulli u bla effett. Huma qegħdin jitolbu wkoll rimedju, li jinkludi kumpens adekwat, fejn tittieħed inkunsiderazzjoni ta’ kemm ilhom nieqsa minn dak li huwa tagħhom bi dritt, u l-fatt li jidher li għadda u jista’ jgħaddi ħafna żmien biex igawdu l-propjetà, li wara kollox hija tagħhom.