Futbol Sport

Federer kontra Djokovic fis-semifinali tal-Open tal-Awstralja b’rimonta mill-aqwa

(Ritratt: EPA)

Roger Federer irnexxielu javvanza għas-semifinali tal-Open tal-Awstralja b’rimonta mill-isbaħ hekk kif salva xejn anqas minn seba’ match points qabel elimina lil Tennys Sandgren fi kwartifinali mill-isbaħ.

Sandgren li jinsab fil-100 post fir-rankings tad-dinja, deher li se jsir l-aktar tennist b’ranking baxx li jasal mal-aħħar erbgħa f’Melbourne mill-1991. L-Iżvizzeru anki għeleb problemi fiżiċi wara li ħa time-out mediku, biex rebaħ 6-3, 2-6, 2-6, 7-6, 6-3 fi tliet sigħat u 28 minuta.

Federer rebaħ fl-ewwel opportunità li kellu wara li Sandgren ħabbat il-ballun max-xibka, bl-Iżvizzeru ta’ 38 sena jgħolli r-racquet fl-arja fost il-ferħ tal-partitarji preżenti fir-Rod Laver Arena.

“Trid tkun iffortunat xi kultant qed ngħidlek. Xi kultant ma tkunx taħt kontroll. Bdejt nittama li jħalli l-ballun jibqa’ jilgħab u jekk ifalli ballun mit-tnejn li kellu, nara x’kien għaddej minn moħħu. Hekk kif il-logħba kompliet, ħassejtni aħjar u l-pressjoni marret. Ma kienx ħaqqni din imma qiegħed hawn u ovvjament kuntent ħafna,” qal Federer.

L-għoxrin darba rebbieħ ta’ Grand Slam, jilgħab fis-semifinali kontra Novak Djokovic wara li ċ-champion renjanti għeleb lis-sid numru 32 Milos Raonic. Is-Serb rebaħ 6-4, 6-3, 7-6 anki jekk kellu problema f’għajnejh tard fit-tielet set. Djokovic li qed jittama li jirbaħ it-tmien titlu f’Melbourne, tilef biss set sa issa u jista’ jitqies il-favorit qabel il-konfront ta’ għada.

Dan se jkun l-ewwel konfront bejn it-tnejn fl-Open tal-Awstralja minn meta Djokovic għeleb lil Federer fis-semifinali tal-2016. Djokovic faħħar il-kwalità ta’ Federer u qal li jittama li jkollu match point biss kontrih u j’alla jirbaħ l-aħjar fil-ġurnata.