Futbol Sport

Fernandinho jġedded il-kuntratt ma’ Manchester City

(Ritratt: EPA)

Il-midfielder ta’ Manchester City Fernandinho se jibqa’ mal-klabb wara li ġedded il-kuntratt b’sena. Fernandinho sar wieħed mill-plejers l-aktar importanti minn meta ngħaqad magħhom fl-2013. Dan minħabba li f’xi okkażjonijiet lagħab bħala difensur ċentrali, speċjalment f’dan l-istaġun.

Fl-ewwel kumment tiegħu, Fernandinho qal li qatt ma stenna li jibni relazzjoni importanti mal-klabb u l-partitarji u jinsab grat ta’ kull ġurnata. “Il-partitarji huma indeskrivibbli. Kuntent ħafna li se nkompli nilgħab għalihom għal sena oħra. Inħoss l-imħabba u l-passjoni u ġenwinament tgħini nibqa’ għaddej.”

Il-manager ta’ Manchester City Pep Guardiola qal li għalkemm ma għadux żgħir fl-età, jilgħab aktar b’moħħu. Id-Direttur tal-Futbol tal-klabb Txiki Begiristain saħaq li l-ftehim il-ġdid jirrifletti l-kwalità u l-impenn ta’ Fernandinho.

Il-Brażiljan kien ingħaqad maċ-champions Ingliżi mingħand Shakhtar Donetsk fl-2013. Ma’ Manchester City, Fernandinho rebaħ il-Premier League tliet darbiet, il-League Cup erba’ darbiet, darbtejn il-Community Shield u darba l-FA Cup.