Ekonomija Kummerċ Lokali

Fis-sena 2019 ħafna min-negozji marru agħar fil-profitti tagħhom

21% jemmnu li l-kriżi politika affetwat il-bejgħ

63% tan-negozji jemmnu li l-2020 se tkun l-istess jew agħar mis-sena li għaddiet. Dan meta l-istħrarriġ li sar mill-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u Medji jindika b’mod ċar li anke fl-2019 ħafna min-negozji marru agħar fil-profitti tagħhom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, it-tmexxija tal-Kamra spjegat il-konklużjonijiet tal-istħarriġ, fejn irriżulta li l-kummerċ fis-sena li għaddiet kien aktar kwiet mis-sena ta’ qabel, bin-negozji jmorru agħar saħansitra minn dak mistenni. Dan meta fil-bidu tas-sena, kien hemm diġà tħassib li l-2019 kienet se tkun aktar batuta mill-2018.

Iżda żgur li l-akbar fattur li affetwa lin-negozji kien il-kriżi politika li minn Novembru li għadda ħakmet lill-Gvern ta’ Joseph Muscat, bl-instabbiltà politika fil-Gvern issarfet fl-akbar raġuni għat-tnaqqis fil-bejgħ madwar il-pajjiż kollu. L-aktar li ntlaqtet minn dan it-tnaqqis kienet il-Belt.

Iżda ironikament, u għall-kuntrarju tal-perċezzjoni ta’ xi wħud, il-protesti li nżammu fil-kapitali għenu lil xi ħwienet minħabba l-influss qawwi ta’ nies miġbura fl-istess ħin. Għall-kuntrarju, il-protesti ma rriżultawx bħala kawża ta’ tnaqqis fil-bejgħ.

Mhux l-istess jista’ jingħad għall-instabbiltà politika, b’26 fil-mija tas-sidien tal-ħwienet mistoqsija jgħidu li dan kien l-aktar fattur li laqathom fin-negattiv fi żmien il-Festi tal-Milied. It-tieni post jiġi l-qtugħ regolari fil-provvista tal-elettriku, b’10 fil-mija.

Jidher li l-kriżi politika ġarret magħha wkoll il-biża’ tal-infieq, b’għadd kbir ta’ sidien ta’ ħwienet jinnutaw li din il-problema wasslet għal nuqqas fil-profitti tagħhom meta mqabbel mal-2018. Dan kollu wassal għal 36% tas-sidien jgħidu li ma kienux sodisfatti bil-bejgħ u l-profitti fi żmien il-Festi li għaddew, kontra l-21% fl-2018.

Abigail Mamo, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, spjegat it-tħassib tal-membri li wieġbu l-istħarriġ għal dak li ħabbtu wiċċhom magħhom fl-2019, filwaqt li appellat biex wieħed joqgħod attent ħalli jara li s-sena l-ġdida verament tkun aħjar. Tenniet li l-Gvern għandu jagħti l-importanza li l-pajjiż ikun stabbli politikament.

L-Uffiċjali tal-Kamra tal-SMEs qalu li ma jridux jaraw ripetizzjoni tax-xhur li għaddew u dan jista’ jsir billi l-partijiet interessati jpoġġu madwar mejda u jindirizzaw l-isfidi.