Lokali Saħħa

ID-DEAL TA’ STEWARD: “M’aħniex ser niffirmaw fuq paġni vojta” – Josef Vella

“Matul dawn l-aħħar snin rajna flejjes li ngħataw lil Steward Healthcare u lil VGH iżda ma rajna l-ebda riżultati. Għaldaqstant ma tagħmilx sens li jridu aktar flus jew konċessjonijiet.”

Hekk sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, Josef Vella, f’intervista fuq il-midja soċjali. Huwa sostna li s’issa għaddew għand il-kumpanija Steward Healthcare madwar €377 miljun li minnhom marru mal-€193 miljun għal numru ta’ spejjeż li skontu s’issa ma rajna l-ebda frott minnhom għajr xogħol f’Għawdex li sewa €53 miljun f’ċentru ta’ taħriġ li skont il-kalkoli ta’ esperti mqabbda mill-UĦM ma jistax ġie jiswa aktar minn €6 miljuni.

Dan kollu wara li l-Prim Ministru Robert Abela sostna li fuq id-deal ma’ Steward “hu miftuħ għal kollox”, filwaqt li kkonferma li ta’ Steward iridu li l-ftehim jerġa’ jiġi negozjat.

Josef Vella saħaq li l-UĦM kienet l-unika unjin li qatt ma ffirmaw xejn mal-Gvern dwar id-deals ma’ VGH u ma Steward l-għaliex, kompla jgħid Vella, qatt ma ngħataw spjegazzjonijiet dwaru. Huwa sostna li mhux fi ħsiebhom jiffirmaw qabel ma jkunu jafu preċiżament dwar xiex qed jikkommettu ruħhom.

Josef Vella insista li meta persuna tkun qed tiffirma fuq paġni vojta ċertament li ma tistax toffri sodisfazzjon lill-ħaddiema.

Hu temm jgħid li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jifhem u jisma’ l-għajta tal-ħaddiema li huma rrabjati filwaqt li saħaq li s-sitwazzjoni prekarja qed isalvawha proprju l-impjegati u l-professjonisti li baqgħu jagħtu s-servizz ta’ kwalità minkejja li l-kundizzjonijiet sejrin lura minflok ‘il quddiem.