Lokali

Il-Gvern idoqq l-irtirata dwar il-ħatra ta’ Konrad Mizzi fl-OSCE u l-kuntratt ta’ €80,000 mal-MTA

  • Il-Gvern talab parir legali dwar il-validita’ tal-kuntratt ta’ €80,000 fis-sena li ngħata Mizzi mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu

Wara l-pressjoni mill-Oppożizzjoni u r-rabja tas-soċjeta’ ċivili u l-pubbliku, il-Gvern daqq l-irtirata fuq il-ħatriet ta’ Konrad Mizzi bħala Kap ta’ delegazzjoni fl-OSCE u bħala konsulent fl-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu.

Fi stqarrija kmieni t-Tlieta filgħodu, il-Gvern ħabbar li se jirtira n-nomina ta’ Konrad Mizzi bħala Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta’ u l-Ko-operazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Intqal ukoll li l-Gvern talab parir legali dwar il-validita’ tal-kuntratt ta’ konsulenza ta’ €80,000 fis-sena li ngħata Konrad Mizzi mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu.

Il-ġurnata tal-bieraħ kienet karatterizzata minn diżappunt u rabja hekk waħda wara l-oħra bdew ifeġġu stejjet dwar il-ħatriet ta’ eks Ministri u manuvri minn taħt. L-ewwel aħbar kienet dwar l-eks Ministru Konrad Mizzi; li nħatar biex jirrappreżenta l-Gvern Malti fl-OSCE; ħatra li kienet imfissra bħala insult lejn il-poplu Malti. Iktar tard, il-Prim Ministru Robert Abela jikkonferma l-preżenza ta’ Joseph Muscat fil-laqgħa ma’ Steward dwar konċessjonijiet l-Isptarijiet tal-Gvern. Matul l-istess ġurnata jsir magħruf li l-eks Ministru Justyne Caruana, li rriżenjat minħabba l-qrubija ta’ żewġha ma’ Yorgen Fenech, issib kariga ġdida wara li nħatret tmexxi l-Kumitat Parlamentari dwar l-Abbozzi ta’ Liġijiet.

Jinkixef ukoll l-aġir klandestin tal-Prim Ministru Robert Abela hekk kif isir magħruf li r-regolamentazzjoni dwar il-kaċċa u l-insib inqatgħet mid-dekasteru tal-Ministeru għall-Ambjent u saret responsabbilta’ tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Biex il-ġurnata intemmet kif bdiet, b’aħbar oħra dwar Konrad Mizzi hekk jiġi żvelat li ftit jiem wara li rriżenja minn Ministru għat-Turiżmu, l-istess Mizzi jingħata kuntratt ta’ konsulenza mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu ta’ iktar minn €6,000 fix-xahar.