Lokali Parlament

Il-gvern sieket dwar il-kuntratt ta’ Konrad Mizzi

Il-Gvern ma għamilx stqarrija ministerjali fil-parlament dwar il-kuntratt li ngħata l-ex Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi wara li dan irriżenja mill-istess kariga.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jisnisti għal stqarrija ministerjali dwar il-kuntratt lil Konrad Mizzi wara li dan irriżenja minn Ministru tat-Turiżmu

Kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li fil-parlament staqsa jekk hux se ssir stqarrija ministerjali dwar il-kuntratt li ngħata lil Konrad Mizzi ġimgħatejn wara li Konrad Mizzi irriżenja minn ministru; kuntratt ta’ €80,000 fis-sena li jitla’ għal €250,000. Hu qal li l-Prim Ministru u l-Ministru tat-Turiżmu għandhom jispjegaw jekk kienux jafu b’dan il-kuntratt u meta saru jafu min awtorizza dan il-kuntratt.

Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield qal li l-Prim Ministru jinsab Brussell u l-gvern m’hux se jagħmel stqarrija ministerjali.

Il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni David Agius qal li l-Oppożizzjoni tifhem li se tkun irtirata n-nomina ta’ Konrad Mizzi bħala Kap tad-delegazzjoni Maltija fl-OSCE iżda staqsa x’inhi r-raġuni wara din id-deċiżjoni.

Glenn Bedingfield qal li din hi deċiżjoni tal-Gvern skont l-ordnijiet tal-Kamra.

David Agius staqsa jekk il-gvern hux se jappunta persuna oħra flok Konrad Mizzi.

Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri qal li din in-nomina ta’ Konrad Mizzi kienet irtirata wara l-oġġezzjoni tal-Oppożizzjoni u monflok il-gvern se jinnomina lid-deputat Laburista Jean Claude Micallef flok Konrad Mizzi.