Ekonomija Lokali Saħħa

Il-Kamra tal-Kummerċ teżiġi spjegazzjoni ċara mill-Gvern

Muscat kien preżenti għal-laqgħa ma' Robert Abela, Chris Fearne u d-diriġenti ta' Steward Healthcare

In-negozji u l-poplu kollu jeħtieġu spjegazzjoni ċara mill-Gvern dwar ir-rwol li kellu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fil-laqgħa li kellhom ir-rappreżentanti ta’ Steward Healthcare f’Kastilja; laqgħa li għaliha kienu preżenti kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Hekk intqal fi stqarrija maħruġa llum mill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija.

Ilbieraħ kien l-istess Robert Abela illi kkonferma li Joseph Muscat kien preżenti f’Kastilja ftit tal-jiem ilu biex ilaqqgħu ma’ Steward Healthcare. Abela saħaq li fuq id-deal ma’ Steward “hu miftuħ għal kollox”, filwaqt li kkonferma li ta’ Steward iridu li l-ftehim jerġa’ jiġi negozjat.

Dwar din il-laqgħa diġa’ kien espress tħassib anke mill-Assoċjazzjoni tat-Tobba. Issa, il-Kamra tal-Kummerċ qed tgħid l-Prim Ministru għandu jieħu azzjoni mal-ewwel fuq dan il-kuntratt “kontroversjali” speċjalment meta wieħed iqis kemm ħarġu flejjes mit-taxxi tal-poplu.

“Dawn l-istejjer ta’ laqgħat f’Kastilja ma jagħmlux ġid f’sitwazzjoni fejn il-pajjiż diġa’ qed ibati biex inaddaf ismu”, qalet l-istqarrija tal-Kamra tal-Kummerċ.

Steward Healthcare qed imexxu l-Isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u jidher li l-laqgħa f’Kastilja saret għaliex Steward iridu iktar flus mill-Gvern u tibdil fil-kuntratt iffirmat mal-Gvern.