Għall-Avukat u Kandidat Laburista Andy Ellul, il-Kummissarju tal-Pulizija hu bħal kull Kap ieħor ta’ Dipartiment tal-Gvern u għandu jaqdi l-Gvern tal-ġurnata u l-programm elettorali tiegħu.
Filwaqt li diversi mħuħ legali diga ghamluha cara li l-proposta tal-Prim Ministru Robert Abela tmur kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, qal li din hi proposta mill-iktar trasparenti.
F’artiklu fuq il-ġurnal Times of Malta, Andy Ellul attakka lill-eks Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi Kevin Aquilina li jappoġġa l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinħatar u jitneħħa biż-żewġ terzi tal-Parlament. Ellul iddeskriva din il-proposta bħala waħda li tipprova tkun qaddisa iktar minn Papa.
Andy Ellul qal li l-Kummissarju tal-Pulizija jifforma parti mill-Eżekuttiv u għaldaqstant għandu jmexxi l-programm elettorali tal-Gvern u qabblu ma’ kwalunkwe Kap ieħor ta’ Dipartiment tal-Gvern
Iżda il-liġi dwar il-Pulizija hi siekta dwar l’hekk imsejjaħ dmir tal-Kummissarju tal-Pulizija li jimbotta l-programm elettorali tal-Gvern tal-ġurnata.
Anzi, il-liġi hi pjuttost differenti hekk kif il-ġurament tal-ħatra ta’ kull uffiċjal tal-Pulizija minn Kummissarju ‘l isfel, jitkellem dwar fedelta’ u lealta lejn il-poplu, ir-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. Jitkellem ukoll dwar il-qadi ta’ dmirijiet ta’ uffiċjal ta’ pulizija mingħajr biża jew favuri.
Barraminhekk, il-funzjonijiet amministrattivi tal-Korp tal-Pulizija issa huma responsabbilta’ tal-Kap Eżekuttiv, kariga ġdida li nħolqot fl-2018.
Il-Gvern Laburista ħatar ħames Kummissarji tal-Pulizija fi kważi seba’ snin. L-aħħar Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, irriżenja iktar kmieni dan ix-xahar wara iktar minn tliet snin jiffaċċja akkużi li mhux qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu u naqas milli jinvestiga diversi skandli li fnew il-pajjiż.
//= $special ?>