Lokali

Il-kuntratt imħassar; il-PN jitlob investigazzjoni mill-PAC

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Viċi Kap tal-PN u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Robert Arrigo llum kitbu liċ-Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) biex il-kuntratt li sar bejn l-Awtorità tat-Turiżmu u Konrad Mizzi jinġieb b’mod urġenti quddiem il-PAC.

Dan biex fost l-oħrajn jiġi determinat jekk ġewx segwiti ir-regoli li jikkonċernaw l-infieq pubbliku, jekk il-Bord tal-Awtorità tat-Turiżmu kienx jaf u tax l-approvazzjoni u jekk intalabx il-kunsens tal-Ministeru tal-Finanzi qabel sar dan il-kuntratt. Din it-talba qed issir wara li lbieraħ il-midja żvelat kif Konrad Mizzi ngħata kuntratt mal-Awtorità tat-Turiżmu, liema kuntratt ingħata ġimagħtejn wara li rriżenja minn Ministru.

Dan il-kuntratt kien ifisser spiża annwali mill-fondi pubbliċi ta’ aktar minn €80,000 fis-sena u meta skont l-Artiklu 7(8) tal-Att dwar Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu għal Malta, L-Awtorità tat-Turiżmu ma tista’ tidħol għall-ebda spiża li ma tkunx ġiet approvata mill-Kamra tad-Deputati. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista u l-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti u Għawdxi jistennew li dan il-kuntratt oxxen li ngħata lill-Ministru tal-Panama Papers jiġi itterminat minnufih u mingħajr ħela ta’ ħin. 

Intant, wara li l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur ħadet parir legali fuq il-kuntratt li ngħata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu lill-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi f’Diċembru 2019, tħabbar illi ingħataw struzzjonijiet lill-Awtorità biex dan il-kuntratt jiġi terminat u mħassar b’effett immedjat.

Il-Ministeru qed jgħid li qatt ma saru ħlasijiet b’rabta ma’ dan il-kuntratt.