Lokali

Il-pajjiż għandu problemi ambjentali kbar; it-traffiku u l-mod isir il-bini

  • Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder qal li l-pajjiż għandu probemi ambjentali kbar fosthom il-mod kif qed ikun immaniġġjat it-traffiku u l-mod kif isir il-bini.

Fil-parlament Karl Gouder qal li l-gvern Laburista kisser ir-reputazzjoni tal-pajjiż u sostna li trid issir ħalfa li dak li sar ma jerġa’ jirrepeti qatt fil-pajjiż. Hu qal li kien il-PN li ressaq mozzjoni biex issir investigazzjoni fuq dak kollu li allegat Daphne Caruana Caruana kemm fuq persuni min-naħa tal-gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni. Id-deputati tal-gvern kienu ivvutaw kontra din il-mozzjoni waqt li l-Oppożizzjoni m’għandha l-ebda problema li jsiru dawn l-investigazzjonijiet.

L-Oppożizzjoni m’għandha diffikultà li jsiru l-investigazzjonijiet fuq dak kollu li allegat Daphne Caruana Galizia; kien il-gvern li vvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni

Id-deputat Nazzjonalista semma’ d-dokument tal-PN dwar il-governanza tajba u sostna li kien hemm entitajiet oħra li tkellmu u semmgħu leħinhom. Il-pajjiż tilef il-kredibbiltà li damet snin twal biex inbniet. Kien dan il-gvern Laburista li biddel din ir-rotta biex illum l-UE u pajjiżi barra minnha qed jagħmlu mistoqsijiet dwar il-kredenzjali ta’ Malta.

Karl Gouder qal li mhux qed isir pjan futur dwar is-setturi fundamentali għall-ekonomija Maltija. Malta trid tħares lejn x’tip ta’ industriji trid fil-futur biex dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu immedjatament. Jeħtieġ viżjoni għall-istudenti u ż-żgħażagħ, sostna Karl Gouder, li kompla li llum it-teknoloġija qed tidħol f’kull aspett tal-ħajja. Malta għandha l-vantaġġ li tista’ tattira ċertu industriji ġodda biex tikber magħhom.

Fis-soċjetà qed tiżviluppa l-problema ta’ nies li jaħdmu iżda li xorta ma jlaħħqux mal-ħajja, sostna Karl Goduer, li appella biex jinħoloq bilanċ bejn is-sidien tal-propjetà u l-inkwilini li jikru propjetà.

Karl Gouder: Jeħtieġ li jkun hemm pjan kif isir il-bini biex l-ibliet u l-irħula ma jinqerdux

L-ambjent u l-ibliet għandhom jibqgħu jingħataw l-attenzjoni xierqa, fosthom Tas-Sliema, San Ġiljan u lokalitajiet oħra. L-akbar żewġ sfidi ambjentali huma l-immaniġġajr tat-traffiku u l-mod kif isir il-bini fil-pajjiż, sostna Karl Gouder.