Lokali

Is-Soċjetà Ċivili tirritorna fit-toroq

Malta ma jixirqilhiex taparsi governanza tajba. Repubblika mhi se taċċetta qatt taparsi governanza tajba. Qalet dan l-istess Repubblika fi stqarrija li ħarġet it-Tlieta filgħodu.

Hu għalhekk li għada, l-Erbgħa, 29 ta’ Jannar fis-6pm se jkunu qed jiltaqgħu quddiem il-Parlament biex iwasslu dan il-messaġġ lil Robert Abela. Il-protesta ta’ Repubblika se tibqa’ sakemm nies bħal Konrad Mizzi, Joseph Muscat, Keith Schembri u oħrajn jibqgħu jevitaw il-ġustizzja.

F’ġimgħatejn, il-gvern ta’ Robert Abela ħa deċiżjonijiet li jwassalna naħsbu li d-diskors dwar governanza tajba huwa paroli biss, kompliet tgħid l-istqarrija.

Repubblika qalu li “Kienet biss is-sejħa tagħna għal protesta għal nhar l-Erbgħa li taparsi fetħet għajnejn Robert Abela li mhix governanza tajba li l-gvern iħallas lil Konrad Mizzi paga ta’ konsulenza ta’ €100,000 fis-sena.”

Governanza tajba trid li min jieħu deċiżjonijiet ħżiena jerfa’ r-responsabbiltà tagħhom.

Repubblika talbu lill-prim ministru Robert Abela biex ikeċċi lill-bord tal-awtorità tat-turiżmu li approva il-kuntratt ta’ Konrad Mizzi. Saret talba wkoll biex jitħassar il-kuntratt tal-awtorità ma’ Konrad Mizzi u Repubblika tispera li l-kuntratt ma nħadimx bizzilla biex issa jitkeċċa u Konrad Mizzi jieħu somma akbar.

Xi ħadd jidher li għadu bl-idea li l-koppja Konrad u Sai Mizzi huma doni divini li ħaqqhom jitħallsu l-mijiet tal-eluf mit-taxxi tagħna. L-iskuża tal-Ministru Julia Farrugia Portelli li “ma kinitx taf” li l-ministru ta’ qabilha hu l-aktar persuna mħallsa fil-ministeru tagħha ma titwemminx. Jew mhix qed tagħmel xogħolha ta’ ministru inkella qed tigdeb, komplew jgħidu Repubblika.

Robert Abela żgur ma jistax jgħid li ma kienx jaf x’inhu jagħmel meta hu stess innomina lil Konrad Mizzi biex imexxi d-delegazzjoni parlamentari fl-OSCE. Nomina bħal din issir mill-grupp parlamentari li hu organu ippresedut minn Robert Abela. “Ħadd ma jbellgħalna r-ross bil-labra.” Kompliet tgħid l-istqarrija li ħarġet dalgħodu fid-dawl ta’ li ġara fl-aħħar sigħat.

Repubblika komplew li, in-nomina ta’ kriminal korrott bħal Konrad Mizzi għall-OSCE tkompli tgħarraq ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta. L-aħħar stejjer jindikaw li hemm min irid jiggarqnitixxi l-impunità għall-klikka tal-Panama u dawk li missew magħha.

Huma semmew ukoll il-każ tal-eks Ministru t’Għawdex li wara li rriżenjat fl-ewwel skandlu tal-gvern ta’ Robert Abela, il-gvern innomina lill-istess Justyne Caruana biex issaffi l-proposti legali kollha qabel jikkunsidrahom il-Parlament.

Huma fakkru li wara li aċċetta r-riżenja ta’ Lawrence Cutajar, il-gvern tah żieda fil-paga u għamlu konsultent.

Repubblika komplew isostnu li wara li rriżenja fl-akbar skandlu fl-istorja politika Maltija, Joseph Muscat intlaqa’ bl-unuri minn Robert Abela f’Kastilja biex jinnegozja fil-privatizzazzjoni skandaluża u korrotta tat-tlett sptarijiet pubbliċi. U milli jidher Joseph Muscat qed jingħata bonus finanzjarju oħxon talli ħalli l-pajjiż f’saram li qatt ma rajna bħalu, kompliet tgħid l-istqarrija.

Minn imġiebtu f’dawn il-ġimgħatejn hu ċar li ma nistgħux nafdaw lil Robert Abela. Għalih il-governanza tajba hi qoxra biex tgħatti l-korruzzjoni u l-impunità. Aħna rridu serjetà u korrettezza fil-governanza il-ħin kollu u mhux u-turns li jsiru għax il-gvern jibża mill-protesti. Governanza taparsi tajba ma tiswa xejn, qalu Repubblika.

Governanza tajba tfisser li min jagħmel ħażin jieħu li ħaqqu, mhux jiġi ippremjat. U l-fatt li issa Robert Abela qed jgħid li se jneħħi l-premju lil Konrad Mizzi imma jħallih mingħajr konsegwenzi ta’ dak li seraq jammonta għal governanza ħażina u korrotta, temmet tgħid l-istqarrija.

Il-messaġġ ta’ Repubblika, “Mhux se naċċettaw taparsi governanza tajba”, għada l-Erbgħa, 29 ta’ Jannar fis-6pm quddiem il-Parlament.