Ambjent Lokali

Kontinwità fil-qerda tal-ambjent – Team Start PN

Dak li qed iseħħ bħalissa fir-rigward tal-proġett tas-Central Link huwa inaċċettabli. Il-Ministru Ian Borg qiegħed jinjora għal kollox it-tħassib tal-popolazzjoni, partikolarment dik żagħżugħa, dwar l-istat tal-ambjent f’pajjiżna. Wara li fl-aħħar xhur rajna ammont kbir ta’ siġar li ġew meqruda, issa nbeda proġett ieħor li ser iġib miegħu sfreġju sħiħ.

Bħala fergħa li tirrapreżenta liż-żgħażagħ, aħna qed nikkundannaw l-fatt li x-xogħlijiet fuq il-proġett tas-Central Link ingħataw bidu meta għadu qas biss tlesta l-proċess ġudizzjarju li jirrigwarda lil dan il-każ hekk kif il-Qorti tal-Appell għadha trid tiddeċiedi. Dan l-atteġġjament juri nuqqas ta’ rispett mhux biss lejn l-ambjent, iżda wkoll lejn il-proċess ġudizzjarju innifsu. L-arroganza tal-awtoritajiet narawha wkoll kif il-bdiewa li kienu jaħdmu din l-art lanqas biss kienu avżati minn qabel li ser jinbdew ix-xogħlijiet fuq l-art tagħhom.

Ironikament, ftit xhur wara li pajjiżna ddikjara emerġenza fit-tibdil tal-klima, l-aġir tal-gvern jmur assolutament bil-kontra ta’ dan. Dan il-gvern donnu ma jridx jinvesti f’alternattivi li jnaqqsu mill-istagħġnar tat-traffiku u jħarsu l-ambjent. L-ammont ta’ karozzi fit-toroq qiegħed dejjem jiżdied u l-arja qiegħda titħammeġ dejjem aktar, ħtija tan-nuqqas ta’ viżjoni tal-gvern. Pajjiżna jeħtieġ jinvesti f’soluzzjonijiet aktar moderni.

Ninsabu diżappuntati kif il-Prim Ministru Robert Abela, minkejja d-diversi wegħdiet tiegħu li l-ambjent ser jingħata aktar importanza taħt it-tmexxija tiegħu, diġa falla l-ewwel test tiegħu fil-qasam ambjentali. Sfortunatament, il-kontinwità qed tkun fl-arroganza u n-nuqqas ta’ konsiderazzjoni lejn dak li jgħajjixna. Nistennew aħjar minn gvern li jiftaħar li għandu għal qalbu liż-żgħażagħ iżda qed jinjora għal kollox it-talba tagħhom sabiex tinbidel l-attitudni. Dan il-gvern mhu ser iħallilna xejn warajh għajr konkos u tarmac.