Lokali Mużika

Malta fl-ewwel semi finali tal-Eurovision Song Contest

Issa uffiċjali, Malta ser tkun qed tiġi rappreżentata fl-ewwel semi finali tal-Eurovision Song Contest 2020 f’Rotterdam, fl-Olanda.

Dan wara li telgħu l-poloz tas-semi finali fejn Malta telgħet sabiex tkanta fit-tieni nofs tal-ewwel semi finali, it-Tlieta, 12 ta’ Mejju.

Fost il-pajjiżi li Malta ser tkun qed tikkompeti kontra nsibu l-Kroazja, l-Ażerbajġan, l-Awstralja, Ċipru, l-Irlanda u l-Iżvezja.

Dan filwaqt li s-semi finali segwenti ser jiġi organizzat il-Ħamis, 14 ta’ Mejju sabiex il-finali jittellgħa s-Sibt, 16 ta’ Mejju. Tul din is-serata l-ħames pajjiżi l-kbar kif ukoll il-pajjiż rebbieħ tas-sena l-oħra ser ikunu qed jikkompetu wkoll.

Malta ser tkun qed tiġi rappreżentata mir-rebbieħ/a tal-programm X-Factor li jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali.