Internazzjonali Lokali

“Nistennew li Robert Abela jieħu azzjoni” – l-MEPs tal-PN

F’nofs din il-konroversja ġdida, tal-kuntratt favoluż li ngħata Konrad Mizzi, il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jħalli pajjiżna u jmur fuq żjara fil-Parlament Ewropew.

L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista talbu lill-Prim Ministru Robert Abela biex jieħu azzjoni fuq il-lista li ma tintemm qatt ta’ każijiet ta’ korruzzjoni li seħħew taħt l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat, kif ukoll biex jiżgura li l-ġustizzja fil-każ tal-assissinju ta’ Daphne Caruana Galizia verament issir.

Id-delegazzjoni tal-PN iltaqgħet ma’ Abela waqt laqgħa fil-Parlament Ewropew. Roberta Metsola, Kap tad-Delegazzjoni tal-PN u David Casa, Quaestor tal-PE iltaqgħu mal-Prim Ministru fi Brussell. Matul il-laqgħa, l-MEPs tal-PN għamluha ċara li deċiżjonijiet konkreti u iebsa għandhom jittieħdu minnufih.

L-MEPs qalu li “Robert Abela ġie elett bħala Prim Ministru ġdid f’sitwazzjoni mhux normali, fejn Joseph Muscat ma ħalla l-ebda għażla ħlief li jirriżenja minħabba l-allegat involviment tal-kariga tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-ewwel ġranet ta’ Robert Abela fil-kariga m’għandhomx ikunu ‘business as usual’, iżda hu għandu jiżgura li d-deċiżjonijiet kollha żbaljati meħuda mill-predeċessur tiegħu mhux biss jiġu emendati, iżda wkoll jiżgura li dawk kollha involuti f’impenn ħażin jitressqu quddiem il-ġustizzja. “

David Casa qal: “Jekk Robert Abela jrid jittieħed bis-serjetà, hemm azzjonijiet ċari u li missu ilu li ħa:

  1. Il-politiċi involuti fil-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja. Fost dawn insibu lil Keith Schembri u Konrad Mizzi kif ukoll lil Joseph Muscat.
  2. L-operazzjonijiet korrotti għandhom jitwaqqfu, inkluż il-ftehim tal-Powerstation, il-ftehim tal-privatizzazzjoni tal-isptar kif ukoll il-bejgħ tal-iskema tal-passaporti.
  3. Individwi li għandhom kariga pubblika u li ħbew għall-politiċi korrotti b’detriment għall-poplu Malti għandhom jitneħħew u jiġu investigati. Dawn jinkludu l-Avukat Ġenerali kif ukoll il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li jinsab taħt investigazzjoni kriminali kif ukoll l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Meta jsiru dawn l-azzjonijiet meħtieġa biss nistgħu nibdew nibnu mill-ġdid ir-reputazzjoni ta’ Malta ”.

Roberta Metsola qalet li d-delegazzjoni “kienet lesta li tkompli tagħmel dak kollu li hu meħtieġ biex turi li l-azzjonijiet ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi mhumiex rappreżentattivi tal-poplu Malti u Għawdxi. Hemm biżżejjed evidenza u xhieda ġuramentata biex titieħed azzjoni.”

L-uniku mod li kull istituzzjoni Ewropea jew internazzjonali se temmen li l-Gvern huwa kapaċi li jirriforma, huwa jekk il-kriminali u l-korrotti jinżammu responsabli ta’ dan li għamlu, kompliet tgħid il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN.

Aħna rridu nkunu kapaċi bħala pajjiż li nżommu kont tal-kriminali u baqa’ aktar mistoqsijiet; dwar il-vjaġġi ta’ Joseph Muscat barra minn Malta, b’mod partikolari dawk ta’ ftit sigħat f’Dubai u l-attentat biex Konrad Mizzi jirrapreżentana fl-OSCE, temmet tgħid Roberta Metsola.