Lokali Saħħa

Tikber il-problema fil-kurituri ta’ Mater Dei

Ritratti li waslu għand Net News jikkonfermaw il-problemi kbar li jeżistu fil-kurituri tal-Isptar Mater Dei; kurituri li issa ilhom xhur li nbidlu fi swali għall-pazjenti.

Dawn il-kurituri qed joffru kundizzjonijiet xejn sbieħ kemm għall-pazjenti li jinsabu fuq stretchers kif ukoll għall-infermiera u l-istaff ta’ Mater Dei.

Ir-ritratti partikolari li rċieva Net News juru s-sitwazzjoni qrib id-Dipartiment tal-X-Rays. Dan apparti s-sitwazzjoni ta’ waitings lists li dejjem qed tigrava.

Is-sitwazzjoni f’Jannar 2019

Fl-aħħar ġimgħat, rapport tal-NAO juri li madwar 7,000 persuna damu aktar minn 6 xhur jistennew appuntament fl-Outpatients ta’ Mater Dei. Dan kien konfermat minn Rapport li ġie ppubblikat jiem ilu mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.

Kien il-managment ta’ Mater Dei illi fassal fuqu stess il-mira ta’ 26 ġimgħa, li kellu jkun il-massimu biex jingħata appuntament. Dan bil-għan li l-pazjenti ma jdumux jistennew – xi ħaġa li b’mod evidenti mhix tiġri

Skont l-NAO, l-aktar persuni affetwati huma dawk li qed jistennew appuntament fl-Outpatients għad-Dijabete, għall-Klinika tal-Uroloġija u għall-appuntamenti fejn jidħlu problemi fl-imsaren.