Lokali

Tony Zarb jerġa’ b’attakk malizzjuż kontra l-Arċisqof

L-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb jerġa’ jiftaħ attakk malizzjuż ieħor fil-konfront tal-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna għax m’aċċettax li l-Kap tal-Knisja f’Malta jgħid tiegħu kontra karru meqjus minn ħafna bħala malafamanti.

Zarb, magħruf sew għar-relazzjoni qrib il-Partit u l-Gvern Laburista, appella lill-Arċisqof biex imur il-kummiedja għax skont hu, il-Kap tal-Knisja f’Malta jrid idaħħaq. Dan għax Monsinjur Scicluna ngħaqad mal-kundanna ta’ oħrajn meta karru tal-Karnival kien se jabbina lill-Knisja mal-pedofelija u ċirkostanzi oħrajn.

Fost l-oħrajn, l-idea tal-karru ġibdet il-kundanna wkoll ta’ għadd ta’ persuni LGBTI, li qalu li kienu se jżeffnuhom f’kontroversja mhux bżonnjuża u li ma kienet se tgħin lil ħadd. Anzi, tennew li tagħmel il-ħsara għax iżżeblaħhom.

Min-naħa tiegħu, fuq ir-radju 103, l-Arċisqof qal li dan il-karru ma kienx floku għax li tassoċja lill-Arċisqof mal-abbuż tat-tfal mhux satira, iżda tifi ta’ tajn. U b’ton sarkastiku, staqsa jekk f’dan il-Karnival hux se jkun hemm xi satira relatata ma’ każijiet li ħarġu fil-beraħ fl-aħħar ġimgħat.

Fix-xhur li għaddew, il-Papa Franġisku bagħat lil Monsinjur Scicluna għal missjoni fiċ-Ċili biex jinvestiga allegati każi ta’ abbużi sesswali minn membru tal-Kleru ta’ hemm, bir-rapport li ħejja l-Arċisqof Malti mar direttament għand il-Papa.

Dan filwaqt li fis-snin qabel ma laħaq Kap tal-Knisja f’Malta, hu kien meqjus bħala l-id il-leminija tal-Papiet fil-ġlieda kontra l-pedofelija, kif ukoll il-bniedem ewlieni fil-Vatikan li jaħdem b’tolleranza zero kontra din il-pjaga.

Iżda minkejja dan kollu, l-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU baqa’ jiftaħ il-kanuni kontra Monsinjur Scicluna u l-ħidma siewja li jagħmel. F’dan l-istadju, ħafna qed jistaqsu jekk il-GWU hix se tikkundanna jew tiddisassoċja ruħha minn kliem u għemil l-eks Uffiċjal Għoli tagħha.