Lokali Qorti

Xhieda mhux kredibbli tnaqqas sentenza ta’ ħabs dwar allegat serq u attakk fuq kantanta

Raġel Libjan ta’ 39 sena, li seraq handbag ta’ kantanta tar-rock u l-ħabiba tagħha f’Paceville u li kien armat b’sikkina sentejn ilu kellu s-sentenza mnaqqsa fl-appell, wara li l-Imħallef iddikjarat li ħafna mix-xhieda fil-każ ma kinitx ta’ min jorbot fuqha. Huwa kellu s-sentenza tiegħu mnaqssa minn tliet snin ħabs għal 18-il xahar.

Fl-2018 Munir Mohamed Ali Gammudi kien qed jiġi akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Michaela Attard, b’serq aggravat bi vjolenza, li kellu fuqu sikkina waqt ,li wettaq ir-reat kontra persuna u li kien sar reċediv.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet illiberat lil Gammudi fuq l-akkużi tas-sikkina u l-attentat ta’ qtil li sussegwentement din l-akkuża kienet ġiet irtirata mill-Avukat Ġenerali, iżda Gammudi kien instab ħati tal-bqija tal-akkużi u kkundannat tliet snin, bil-Qorti toħroġ ukoll ordni ta’ protezzjoni favur Attard u l-ħabiba tagħha.

Madankollu l-Avukati ta’ Gammudi, Marc Sant kien ippreżenta appell fuq is-sentenza mogħtija fejn kien argunmenta li huwa qatt ma seta’ jinstab ħati, fuq il-fatt li huwa kien “psikoloġikament disturbat”. Appella wkoll fuq il-bażi li l-piena nflitta kienet waħda severa.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, fid-deċiżjoni tagħha osservat, li “huwa stat ta’ fatt li l-Prosekuzzjoni pproduċiet numru ta’ xhieda, iżda fis-sustanza tax-xhieda tagħhom, ħareġ li Gammudi ma wettaqx ir-reat ta’ serq aggravat.

“Għall-kuntrarju, meta wieħed jeżamina l-evidenza tax-xhieda fid-detall, jikbru d-dubji serji u s-suspetti, dwar kemm ix-xhieda tal-vittma kienet waħda konsistenti.”

Kompliet tgħid li l-Prosekuzzjoni qagħdet biss fuq dak li qalet hi meta ġew ikkwantifikati l-valur tal-oġġetti, allegatament misruqa u lanqas biss indenjat ruħha li tikseb riċevuti jew tappunta esperta biex tistabilixxi l-valur.

Għaldaqstant l-ewwel qorti sabet lilha nnifisha f’pożizzjoni li ma kellhiex indikazzjoni tal-valur, u kellha biss il-verżjoni tal-allegata vittma, li wieħed jista’ jgħid li ma kinitx kredibbli, u dan anke għall-fatt li hija kemm il-darba ngħatat twissija mill-Qorti dwar il-konsegwenzi jekk tigdeb taħt ġurament.

Il-vittma la kienet assertiva fuq dak li nsteraq, fejn qalet affarijiet bħal ‘bejn wieħed u ieħor’ u ‘forsi’. Dan it-tip ta’ diskors qalet il-Qorti ma jipprovax każ ta’ mingħajr dubju raġonevoli. Fuq serq aggravat bi vjolenza, l-Qorti osservat li l-vittma qalet li hija ġiet attakkata b’sikkina, u li biha l-akkużat ipprova jagħtiha biha diversi drabi.

Il-Qorti qalet lanqas dwar dan ma hija konvinta, fejn qalet li kieku dan kien kollu minnu, ma kien ikun hemm l-ebda dubju li l-akkużi dwar dan ma kienux jitwaqqgħu minn naħa tal-Avukat Ġenerali.

Ingħad ukoll li l-Prosekuzzjoni naqset li tippreżenta terza persuna biex tikkonferma li kien hemm persuna perikoluża u armata fil-post. Żewġ bouncers li kien xoogħol dak inhar, kienu qalu lill-Qorti li ma kienu raw xejn, f’idejn l-akkużat dak il-ħin, u lanqas biss kienu għarfuh fil-Qorti.

Lanqas it-tfajla li kienet ma’ Attard ma għarfet is-sikkina li ntużat fl-attakk, anke jekk qalet li kienet waħda simili. Il-verżjoni tagħha qajjmet dubju u li dan għandu jmur favur l-akkużat, kompliet tgħid il-Qorti.

L-ebda marki tas-swaba ma ttieħdu minn fuq is-sikkina u għalhekk il-Qorti ma tistax tkun ċerta, jekk kienx l-akkużat jew raġel ieħor dak il-ħin. Lanqas filmati tas-CCTV ma ġew esebiti.

Hemm wisq kontradizzjonijiet fil-provi, qalet l-Imħallef, u li hija nnutat li huwa kien suġġett ta’ ‘espisodji psikoloġiċi disturbanti’ fil-passat, li żgur ma affettwawħx b’mod pożittiv.

Il-Qorti nnutat ukoll li Gammudi għadu kemm skonta sentenza l-ħabs fuq serq. Sadanittant il-Qorti naqqset is-sentenza minn tliet snin ħabs għal 18-il xahar u li jrid jitnaqqas iż-żmien li huwa għamel taħt arrest preventiv.

L-Imħallef ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill Kummissarju għall-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżordni Mentali u li d-Direttur tal-Ħabs jissalvagwardja is-saħħa tiegħu minħabba l-problemi mentali tiegħu.
.