Lokali

Żvelat il-kuntratt tal-konsulenza ta’ Konrad Mizzi fl-MTA

Wara l-pressjoni u r-rabja mill-Oppożizzjoni u mis-Soċjetà Ċivili flimkien mal-pubbliku, il-Prim Ministru Robert Abela kellu jagħmel u-turn… u jwaqqaf il-ħatra li l-eks Ministru Konrad Mizzi ngħata anqas minn 12-il siegħa qabel fil-Parlament.

Għall-ħabta tas-6.20 tat-Tlieta filgħodu, il-Gvern ħareġ stqarrija biex iħabbar li kien se jirtira n-nomina ta’ Konrad Mizzi bħala Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) – kariga li ġabet magħha kritika fil-konfront tal-Gvern Malti anke mill-istituzzjonijiet Ewropej.

Fl-istess stqarrija, li allura tidher li kienet ippjanata it-Tnejn tard filgħaxija jew fis-sigħat bikrin tat-Tlieta, il-Gvern qal li talab parir legali dwar il-validità tal-kuntratt l-ieħor li ngħata – il-kuntratt ta’ konsulenza li Konrad Mizzi ngħata għal 80,000 ewro fis-sena mal-MTA.

Dan il-kuntratt, li kien żvelat fl-intjier tiegħu mit-Times of Malta, kien iffirmat minn Johann Buttigieg, li fil-passat kien Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar u f’Novembru nħatar Kap Eżekuttiv tal-MTA. Id-dokument kixef kif, bil-paga li kien se jingħata b’din il-kariga, kien se jaqla’ 6,700 ewro fix-xahar, jew aktar minn 80,000 fis-sena … li tfisser ukoll żieda ta’ aktar minn 40 fil-mija mill-paga li kien jaqla’ kemm dam Ministru.

Fil-kuntratt, li kien iffirmat fid-9 ta’ Diċembru li għadda u kellu jiskadi fl-1 ta’ Diċembru 2022, jingħad li Konrad Mizzi kellu jaqla’ 80,400 ewro eskluża l-VAT flimkien ma’ karozza bil-fuel u l-manutenzjoni mħallsa kollha mill-MTA u xufier. F’każ li ma jaċċettax li juża’ karozza tal-Awtorità, hu jingħata 11,400 ewro oħra fis-sena talli juża’ l-karozza personali tiegħu.

Mizzi inghata u ffirma dan il-kuntratt gimghatejn wara li hu kien irrizenja minn Ministru f’nofs il-krizi politika li dahhalna fiha l-Gvern Laburista.