Internazzjonali

Il-Parlament Ewropew: Il-ftehim ta’ Brexit approvat b’vot storiku

Il-Parlament Ewropew għadu kemm approva – permezz ta’ vot storiku — it-termini tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Il-kamra fi Brussell, wara l-vot — b’621 favur kontra 49 (bi 13-il deputat jastjenu) — infexxet tkanta Auld Lang Syne ( kanzunetta tradizzjonali ta’ tislima) u meta issa jonqos biss it-tluq uffiċjali tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea wara nofs-il lejl tal-Ġimgħa.

Qabel il-vot kien hemm dibattitu dwar Brexit li kien jinvolvi lis-751 rappreżentanti fl-assemblea .

Id-deputati (MEPs) tal-Parlament Ewropew, fl-aħħar ħinijiet, sellmu u awguraw lill-kollegi Britanniċi tal-assemblea u meta ħafna mid-deputati fi Brussell – Britanniċi u daqstant ieħor Ewropej – dehru lebsin xalel bil-messaġġ ‘always united’ (dejjem magħqudin).

Il-vot mill-Parlament Ewropew, fil-fatt, kien l-aħħar stadju tal-proċess ta’ ratifika qabel il-ħruġ ‘finali’ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea .

Is-sessjoni tallum kienet, fil-parti kbira, simbolika u fejn spikkaw il-mużika flimkien mad-diskorsi ‘li faħħru l-kwalitajiet pożittivi tal-partijiet involuti’.

Ir-riżultat tal-vot storiku qatt ma kien f’dubju wara li l-kumitati parlamentari ewlenin kienu ffirmaw il-Withdrawal Agreement, matul il-ġimgħa li għaddiet.

L-aħħar sehem tar-Renju Unit f’laqgħa bħala membru tal-UE sar permezz ta’ Chris Pincher, il-Ministru tal-Foreign Office, li attenda l-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali.

Ir-Renju Unit qed itemm l-isħubija fl-UE wara 47 sena u diversi gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, fl-aħħar sigħat, organizzaw ‘il-programmi tat-tislima’ rispettivi għad-deputati Britanniċi u biex jimmarkaw it-tluq ta’ pajjiżhom mill-Unjoni.

Sadanittant, l-aktar fażi sinifikattiva tas-separazzjoni ssir il-Ġimgħa, fejn il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, joħroġ bi stqarrija (relatata) konġunta flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea

Ladarba r-Renju Unit jispiċċa minn membru tal-Unjoni għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni – effettiv għal ħdax-il xahar — li permezz tiegħu, iż-żewġ naħat qed jittamaw li jinnegozjaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi tal-futur.

It-taħditiet kummerċjali mistennija jibdew ‘bis-serjetà’ fl-ewwel parti ta’ Marzu u meta l-Parlament Ewropew ukoll se jkollu sehem fir-ratifika ta’ kwalunkwe ftehim kummerċjali li jintlaħaq bejn Londra u l-Unjoni.

Ikkummenta