Internazzjonali

Coronavirus: Pjan biex Christmas Island tinbidel fi kwarantina

Mijiet ta’ persuni barranin ġew evakwati mill-belt Ċiniża ta’ Wuhan, hekk kif l-ammont ta’ imwiet b’kawża tal-Coronavirus qed ikompli tiela.

Preżentament hemm il-ħsieb biex l-Awstraljani li jinsabu fiċ-Ċina jittieħdu għal ġimagħtejn ta’ kwarantina fi Christmas Island qabel imorru lejn l-Awstralja. Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Marrison qal dan wara li l-ammont ta’ mwiet fiċ-Ċina kompla jiżdied.

Sa issa infatti l-ammont ta’ mwiet b’kawża tal-Coronavirus tela’ għal aktar minn 130.

Qed jirriżulta li ħafna mill-vittmi huma anzjani, jew persuni li diġà kellhom problemi relatati man-nifs. Iċ-Ċina qed tgħid li 60 persuna rnexxielhom jirkupraw mill-virus, u ġew rilaxxati mill-isptarijiet rispettivi.

Intant, l-awtoritajiet Ċiniżi pposponew b’mod indefinit il-ftuħ tal-iskejjel u l-Universitajiet wara l-waqfa għall-btajjel tal-ewwel tas-Sena Ċiniża.

Fl-aħħar ħin il-kumpanija tal-ajru Bristish Airways ħabbret li ssospendiet it-titjiriet kollha lejn iċ-Ċina.