Lokali

Erba’ persuni involuti f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar

Erba` persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei, wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fin-Naxxar għall-ħabta ta’ tlieta neqsin kwart ta’ wara nofsinhar fi Triq Margaret Murray.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn vettura tat-tip VW Polo, misjuqa minn mara Ungeriża ta’ 26 sena, residenti San Pawl il-Baħar u trakk tat-tip DAF misjuq minn raġel ta’ 42 sena residenti lGżira.

Tliet persuni mill-Ungerija kienu passiġġiera fil-vettura VW Polo, filwaqt li raġel ta’ 22 sena, residenti l-Gżira kien passiġġier fit-trakk DAF. Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u permezz ta’ diversi ambulanzi l-persuni kolla li kienu fil-vettura VW ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Iktar tard, tnejn mill-passiġġieri, raġel ta’ 30 sena u mara ta’ 21 sena ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi, filwaqt li x-xufiera ta’ 26 sena u passiġġiera ta’ 31 sena sofrew minn ġrieħi ħfief. Iż-żewġ irġiel li kienu fit-trakk ma sofrew l-ebda ġrieħi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.