Futbol Sport

Gżira United jirrifjutaw offerta għal Amadou Samb

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Gżira United komplew jirċievu aktar offerti għall-plejers tagħhom. Dan hekk kif fl-aħħar jiem huma rċevew talbiet minn klabbs tal-Kampjonat Premier għal Amadou Samb.

Klabb minnhom ressaq offerta li iżda ġiet rifjutata hekk kif il-kowċ il-ġdid Paul Zammit iqis il-plejer bħala importanti fil-ħsibijiet tiegħu. L-attakkant ta’ 31 sena tilef ħafna mill-istaġun li għadda minħabba li weġġa’ fit-tul u għadu ma rkuprax il-forma tajba li kellu qabel weġġa’, iżda xorta jitqies plejer importanti fit-tim Gżirjan.

HIBERNIANS – Hibernians jinsabu viċin li jilħqu ftehim ma’ Pescara Calcio biex jakkwistaw liż-żagħżugħ ta’ 21 sena Simone Mancini. Fl-istaġun li għadda, l-attakkant lagħab ma’ Alma Juventus Fano b’self wara li fl-2017 kien ingħaqad ma’ Pescara b’mod permanenti mingħand Juventus. Hibernians mistennija jakkwistaw il-plejer b’self sa tmiem l-istaġun.

ĦAMRUN – Ħamrun Spartans huma meħlusa minn kull projbizzjoni li kellhom kemm mill-FIFA kif ukoll mill-MFA. Dan wara li l-kumitat Ħamruniż ħallas il-pagamenti dovuti li kienu qed jorbtu lill-klabb milli jixtri jew ineħħi plejers. B’hekk huma jistgħu jirreġistraw lill-gowlkiper Filippo Mascagni, id-difensur Rafael Henriques, il-midfielders Alexis Tahet u Marcello Fava kif ukoll l-attakkanti Piotr Branicki u Carlos Flores.

BIRKIRKARA – Għalkemm aktar kmieni dan ix-xahar kien hemm diskussjonijiet avvanzati biex il-gowlkiper Andreas Vella jingħaqad ma’ Birkirkara, it-trasferiment sa issa għadu ma seħħx. Il-ftehim bejn iż-żewġ klabbs għadu ma ntlaħaqx u Mosta ma għandhom l-ebda diffikultà li jżommu l-plejer anki għaliex għalihom hu importanti. Birkirkara f’dan is-suq tat-trasferimenti ċedew lill-gowlkiper Nicky Vella b’self proprju ma’ Mosta.

SENGLEA – Il-futur ta’ Leighton Grech jidher li se jkun bogħod minn Senglea Athletic hekk kif hu mistenni li jingħaqad ma’ Santa Lucia. Grech li għandu 29 sena kien ingħaqad mal-klabb tal-Isla f’Ġunju tal-2018 wara diversi esperjenzi ma’ timijiet differenti. Bħala suċċessur tiegħu, Senglea mistennija jakkwistaw liż-żagħżugħ Jurgen Debono b’self mingħand Naxxar Lions.