Ambjent Lokali

“Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru hija illegali” – Birdlife Malta

Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jgħaddi l-kaċċa u l-insib f’idejn il-Ministeru għal Għawdex hija deċiżjoni kontra l-liġi.

Fid-dawl ta’ dan, Birdlife Malta l-Erbgħa resqet protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-Prim Ministru, il-Ministru tal-Ambjent u l-Ministru għal Għawdex …protest kontra d-deċiżjoni ta’ Abela li jpoġġi lir-regolatur tal-kaċċa taħt il-Ministeru għal Għawdex.

F’konferenza tal-aħbarijiet Bird Life Malta sostniet li ma kellhiex triq oħra ħlief li tirrikorri għal azzjoni legali minħabba d-deċiżjoni li t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi tiġi trasferita taħt il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Mossa li Bidlife Malta diġà ddeskrivitha bħala waħda dijabolika u illegali.

Kif jgħd il-protest ġudizzjarju ta’ Birdlife Malta, waqt li l-kaċċa u l-insib tpoġġew taħt il-portafoll ta’ Clint Camilleri wara l-bidliet riċenti fil-Kabinett, l-Att dwar il-protezzjoni tal-Ambjent jistipula b’mod speċifiku li kull referenza fil-ligi għal Ministru, hija għall-Ministru responsabbli għall-ħarsien tal-ambjent u għat-twaqqif ta’ kull awtorità relatata miegħu.

Dan ifisser li kull avviż legali jew ħatra magħmula mill-Ministru għal Għawdex f’dan ir-rigward tkun kontra l-liġi minħabba li huwa l-Ministru tal-Ambjent li huwa legalment rikonoxxut biex jaġixxi f’għajnejn il-liġijiet Maltin tal-Ambjent.

Għaldaqstant Birdlife Malta qed titlob lill-Gvern u lill-Prim Ministru biex ireġġa’ lura d-deċiżjoni li ħa u jiżgura li l-Ministru tal-Ambjent jingħata l-poteri mogħtija lilu bil-liġi u li l-portafoll tal-ambjent jiġi assenjat lill-Ministru responsabbli mill-Ambjent.

Waqt li issa huwa ċar li l-liġi tippermetti biss lill-Ministru tal-Ambjent li jinforza l-liġijiet u r-regolamenti li għandhom  x’jaqsmu mal-għasafar, huwa wkoll ċar ħafna li l-Gvern kiser il-liġi b’mod deliberat meta ħa d-deċiżjoni tiegħu.