Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Il-Palestinjani jiċħdu l-pjan ta’ Trump  fost ir-riferenzi għal ‘kumplott

It-Tmexxija tal-Palestinjani warrbet ċar u tond għall-pjan ġdid dwar il-Lvant Nofsani li ressaq il-President Amerikan Donald Trump , filwaqt li fissruh, bla tlaqliq, bħala ‘kumplott’ li jmur kontra l-interessi tal-Palestinjani.

Il-pjan jesiġi għal Stat tal-Palestina flimkien mal-għarfien tas-sovranità Iżraeljana fuq ir-residenzi tax-Xatt tal-Punent.

Donald Trump, intant, enfasizza li l-belt ta’ Ġerusalemm (skont il-pjan) għandha tibqa’ l-kapitali ‘sħiħa’ ta’ Iżrael. Fl-istess ħin, hu ppjanat li l-kapitali tal-Palestina, ’il quddiem, tinkorpora ‘zoni ta’Ġerusalemm tal-Lvant’.

Meta tkellem dwar il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ Trump għal-Lvant Nofsani, il-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, għamilha ċara li Ġerusalemm ‘mhux għall-bejgħ’ u li ‘dan jgħodd ukoll għad-drittijiet tal-Palestinjani li mhumiex se jkunu suġġetti għan-negozjati’.

It-tensjoni fir-reġjun irrankat din il-ġimgħa, fejn id-dimostranti Palestinjani organizzaw ‘Jum ta’ Rabja’ fil-Medda ta’ Gaza anki waqt li l-militar ta’ Iżrael bagħat ir-reinforzi lejn ix-Xatt tal-Punent okkupat.

Il-blueprint ta’ Donald Trump – li qed jaħseb biex jirrisolvi wieħed mill-itwal konflitti fid-dinja (dak bejn Iżrael u l-Palestinjani) – tfassal taħt it-tmexxija ta’ Jared Kushner, l-iben tar-rispett tal-President tal-Istati Uniti.

Dan meta l-President Trump, aktar kmieni fil-ġimgħa, sostna – waqt li akkumpanjat, fil-White House, mill-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu – li l-proposti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani kapaċi jkunu ‘l-aħħar opportunità’ għall-Palestinjani.

Intant, ir-rapporti qalu li Benjamin Netanyahu beħsiebu jinsisti bil-pjan biex jgħaqqad madwar tletin fil-mija tax-Xatt tal-Punent okkupat mat-territorju ta’ Iżrael – bil-Kabinett tiegħu qed iħejji għal vot, nhar il-Ħadd.

Netanyahu irrefera għall-pjan ta’ Trump bħala ‘il-ftehim tas-seklu’ u insista li Iżrael ‘m’għandux jitlef din l-opportunità’.

Fil-preżent, hemm mal-400,000 Lhud residenti fix-Xatt tal-Punent, b’200,000 Lhud oħra qegħdin jgħixu f’Ġerusalemm tal-Lvant. Dawn iz-zoni ta’ residenzi għal-Lhud huma kunsidrati illegali taħt il-liġi internazzjonali, iżda t-Tmexxija ta’ Iżrael qed tikkuntesta din il-pożizzjoni.

Min-naħa tiegħu, Abbas qed jinsisti li hu ‘impossibbli’ li kwalunkwe  tfajjel Palestinjan, Għarbi, Musulman jew Kristjan jaċċettaw Stat tal-Palestina mingħajr il-belt ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali. Hu sostna li l-Palestinjani baqgħu, sa mill-bidu nett, jgħidu ‘le’ għall-pjan dwar il-Lvant Nofsani u li iż-żmien u l-istorja ‘iridu jagħtuhom ir-raġun’.

Il-grupp Hamas magħmul mill-Palestinjani militanti u li qed jikkontrolla l-Medda ta’ Gaza ukoll ċaħad għall-pjan ta’ Donald Trump waqt li qal li l-pjan inkwistjoni ‘hu intiż biex jeqred il-proġett nazzjonali Palestinjan’.