Lokali

Il-PN se jibqa’ jwieġeb għall-isfidi li pajjiżna qiegħed jaffaċċja fil-governanza tajba

Il-Kamra tal-Kummerċ tippreżenta d-dokument tagħha dwar il-governanza tajba lill-Kap tal-Oppożizzjoni

“L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tinsab impenjata li tibqa’ twieġeb għall-isfidi li pajjiżna qiegħed jaffaċċja fil-governanza tajba minħabba l-għemil tal-Gvern Laburista li spiċċa biex għarrqilna r-reputazzjoni. Għalhekk se nkomplu naħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili biex negħlbu dawn l-isfidi.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta ltaqa’ mal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija f’laqgħa fejn ġie ppreżentat bil-manifest tal-Kamra tal-Kummerċ dwar il-Governanza Tajba.

Adrian Delia qal li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna spiċċat mhedda minħabba l-korruzzjoni tal-Gvern Laburista u matul dawn l-aħħar snin setgħu ttieħdu ħafna miżuri biex tiġi evitata l-ħsara enormi għal pajjiżna. Huwa qal li l-konklużjonijiet ta’ rapporti internazzjonali bħal ta’ Transaparency International u r-rapport ta’ The Economist li ddeskrivew kif pajjiżna jinsab mgħerreq fil-korruzzjoni u b’demokrazija li ma tiffunzjonax żgur li ma jawgurax tajjeb, u meta fadal ftit xhur mill-possibbiltà li nkunu blacklisted skont ir-rapport tal-Moneyval qegħdin f’pożizzjoni li nistgħu nitilfu l-investiment, b’daqqa kbira għall-ekonomija, l-industrija u l-familji.

Adrian Delia qal li jeħtieġ li jinbagħat sinjal ċar u b’saħħtu ħafna li qegħdin nieħdu l-governanza tajba b’serjetà kbira u nkompli nipperseveraw mal-Gvern sabiex jingħata l-impenn li jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn, għaliex huma ferm undamentali għal pajjiżna. Huwa qal li l-Oppożizzjoni tinsab impenjata favur it-tisħiħ tal-governanza tajba u s-saltna tad-dritt u għalhekk ix-xahar li għadda ħarġet dokument Riforma u Tiġdid bi 15-il proposta konkreta li għandhom jittieħdu biex tissaħħaħ il-governanza tajba.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb qal li l-governanza tajba hija responsabbiltà tagħna lkoll. Huwa qal fir-rigward tal-governanza tajba hemm ħafna suggetti li huma komuni mal-proposti tal-Oppożizzjoni u li dan huwa sinjal tajjeb li t-tħassib tal-Kamra tal-Kummerċ huma simili għal dawk tal-Oppożizzjoni wkoll. David Xuereb qal li ma nistghux ninjoraw u ma nindirizzawx it-tħassib li hawn għaliex ikollna riperkussjonijiet li jolqtu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. 

Id-dokument tal-Kamra tal-Kummerċ ‘Ethical Business Call for Change’ jinkludi aktar minn 60 rakkomandazzjoni favur il-governanza tajba, u li tfassal sabiex jindirizza t-tħassib fir-rigward tal-istat li fil-preżent tinsab fiha l-governanza tajba f’pajjiżna. Il-Kamra tal-Kummerċ kienet ukoll ħeġġet sabiex jinħatar Ministru li jkun responsabbli direttament mill-governanza tajba.

Għal din il-laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, s-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli, l-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, il-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, ċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina u l-President tal-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) Graham Bencini. Min-naħa tieġħu, l-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija David Xuereb kien akkumpanjat mid-Direttur Ġenerali Kevin J. Borg u John Degiorgio.