Futbol Sport

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo jiltaqa’ mal-President tal-UEFA

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo ltaqa’ mal-President tal-UEFA Aleksander Ceferin fil-kwartieri ġenerali tal-UEFA. Din kienet l-ewwel laqgħa bejniethom minn meta Vassallo nħatar fil-kariga f’Lulju li għadda. F’din il-laqgħa ġew diskussi diversi temi, bil-President tal-MFA jisħaq il-prijoritajiet u l-akbar proġetti tal-assoċjazzjoni, speċjalment dak fis-settur tekniku.

Vassallo tkellem ukoll dwar il-pjan strateġiku tal-assoċjazzjoni li kien ġie approvat mill-Kumitat Eżekuttiv aktar kmieni dan l-istaġun. Dan l-eżerċizzju għandu l-appoġġ tal-UEFA bħala parti mill-programm GROW li jiġbor fih l-għanijiet prinċipali u l-proposti tal-istrateġija tal-MFA bil-miktub sa Ġunju ta’ din is-sena.

Ceferin u Vassallo tkellmu dwar l-inizjattiva tal-assoċjazzjonijiet żgħar Ewropej li joħolqu forum fejn jiġu diskussi affarijiet tekniċi ta’ interess komuni flimkien mal-UEFA. Minbarra din il-laqgħa, Vassallo akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti, kellhom laqgħat oħra dwar il-liċenzjar tal-klabbs u l-iżvilupp tan-negozju. Dawn il-laqgħat saru mas-Segretarju Ġenerali tal-UEFA Theodore Theodoridis u d-Deputat Segretarju Ġenerali u Direttur tal-Kompetizzjonijiet tal-UEFA Giorgio Marchetti.