Ambjent Lokali

Infrastructure Malta kissret il-kundizzjonijiet

Ikomplu l-problemi marbuta mal-proġett kontroversjali tas-Central Link f’Ħal Balzan u Ħ’Attard – proġett li diġà wassal għall-qerda ta’ numru ta’ siġar u għelieqi.

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi kkonfermat li Infrastructure Malta kienet qed tikser kundizzjonijiet tal-permess meta x-xogħol fil-proġett tas-Central Link beda qabel ma kien hemm il-ħatra ta’ espert tas-siġar sabiex jissorvelja x-xogħlijiet.

Il-permess kien jobbliga lil Infrastructure Malta biex tinforma lill-ERA dwar id-dati li fihom kienu se jsiru x-xogħlijiet, sebat ijiem qabel ma jibdew.  

Infrastructure Malta kienet obbligata wkoll li tinnomina espert tas-siġar sabiex jissorveljaw ix-xogħlijiet, għaxart ijiem qabel il-bidu tal-ħidma. Iżda jirriżulta li x-xogħlijiet kienu diġà bdew fl-assenza ta’ superviżjoni minn espert tas-siġar. Għalhekk, l-ERA kellha tintervjeni sabiex Infrastructure Malta taħtar espert biex jissorvelja x-xgħolijiet.

Il-permess kien jgħid ukoll li b’mod kategoriku x-xogħlijiet setgħu jibdew biss ladarba tittieħed id-deċiżjoni finali tal-appell quddiem it-Tribunal tal-Ambjent u r-Reviżjoni. Iżda x-xogħlijiet bdew xorta waħda minkejja li l-appell tal-Qorti għadu pendenti.

Jidher ukoll li ammont ta’ siġar tal-lewż protetti f’Ħ’Attard kienu maqlugħa minflok ma ġew imħawla x’imkien ieħor kif meħtieġ mill-permess.

Fl-aktar kapitlu ricenti minn din is-saga, sar magħruf li fiz-zona fejn qed isir ix-xogħol instabu fdalijiet arkeoloġiċi li għad iridu jiġu investigati minn esperti.  L-ewwel indikazzjonijiet huma li l-fdalijiet imorru lura għal żmien ir-Rumani u aktarx li kienu jservu bħala gandotti għat-tisqija tad-dwieli.